L-Italja toffri lezzjonijiet tal-għawm lill-immigranti trawmatizzati mill-qsim tal-Mediterran

    Hekk kif l-Italja qed tiffaċċja dejjem aktar diffikultajiet biex tlaħħaq mal-kriżi tal-immigranti, fejn saħasitra fl-aħħar ftit jiem daħlu mas-7,000 immigrant u refuġjat, numru dejjem jikber ta’ Taljani qed jieħdu s-sitwazzjoni f’idejhom. Għax minkejja li għad hemm reżistenza u kritika qawwija fil-konfront tal-Gvern li mhux qed jagħmel biżżejjed biex isolvi din il-kriżi umanitarja, hemm min iddeċieda li jipprova jagħmel l-almu tiegħu biex għall-inqas itaffi ftit mit-tbtijiet għal dawk li jittantaw xortihom u jaqsmu bejn sema u ilma bit-tama li jsibu ħajja aħjar fl-Ewropa.

    Hemm istanzi fejn nies anzjani qed jiftħu l-bibien ta’ djarhom u jilqgħu lill-immigranti. Hemm knejjes li qed jieħdu ħsieb lit-tfal u minorenni. U hemm ukoll in-Nautical Technical Institute li qed jaħdem mil-lat emozzjonali fuq l-immigranti li baqgħu trawmatizzati mill-vjaġġ tagħhom bejn sema u ilma, u minkejja li issa ħarbu mill-periklu baqgħu mbeżżgħin mill-baħar.

    Dawn l-inizjattivi qed jiġu f’mument meta s-soċjetà Taljana qed issir dejjem aktar xettika dwar li tkompli tilqa’ fi ħdanha lil numru ta’ immigranti li minn sena għal oħra qed ikomplu jżidu fin-numru tagħhom.

    Il-programm imniedi min-Nautical Technical Institute kien imniedi f’Mejju li għadda, u għandu l-għan li jgħallem l-elementi bażiċi tal-first aid, u kif ukoll aspetti aktar tekniċi bħall-għadds u salvataġġi. L-ewwel grupp li qed jibbenefika minn dan il-programm huma grupp żgħir ta’ żgħażagħ li sabu kenn fil-Bażilika ta’ Sant’Antonio f’Messina. Uħud minnhom kienu sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom kaġun tal-gwerra. Uħud minħabba l-faqar li kien qed jikkaratterizzalhom ħajjithom.

    Fl-ewwel nof ta’ din is-sena aktar minn 83,000 persuna qasmu lejn l-Italja, żieda ta’ 19% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Aktar minn 600,000 immigrant qasmu mit-Tramuntana tal-kontinent Afrikana lejn l-Italja f’dawn l-aħħar erba’ snin biss.