Liverpool jistgħu jkunu nvestigati minn kumitat selettiv parlamentari

    Liverpool jistgħu jkunu nvestigati wara li avviċinaw player żgħir ta' Stoke City li għadu jattendi l-iskola. Iċ-chairman tal-Kultura, Media u Sport, Damian Collins, sejjieħ biex ikun hemm reviżjoni tar-regoli wara li r-Reds ġew projbiti milli jiffirmaw players ġodda mal-akkademja tal-club għal sentejn u ġew immultati £100,000.

    Il-Premier League kien investiga l-allegazzjoni li tifel ta' 12-il sena kien offrut mill-club ta' Liverpool li jħallsu l-miżati tal-iskola.  Liverpool jistgħu jiġu msejħa mill-kumitat tal-Kultura, Media u Sport biex jagħtu l-evidenza tagħhom.

    Collins tenna li huwa tal-mistħija li ħadd m’hu qed jaqbeż għall-vittma, li f'dan il-każ huwa t-tifel.

    "Jekk il-Premier League m’għandux il-poter jew l-inklinazzjoni li jsolvi din il-kwistjoni, allura dan il-każ għandu jiġi solvut mill-FA Ingliża.”

    Liverpool ġew projbiti milli jakkwistaw players ġodda mal-akkademja tal-club minħabba li avviċinaw lill-player u lill-familja tiegħu qabel ma ngħataw permess jagħmlu dan, fejn ir-Reds ħallsu lilu u lill-familja tiegħu biex jaraw partita f'Anfield.