Aktar faċilitajiet sportivi

    “Din hi biss l-ewwel fażi ta’ kumpless kbir iddedikat għall-isport”, qal is-Segretarju Parlamentari Chris Agius fl-inawgurazzjoni ta’ ground tal-football f’dik li kienet l-Iskola Sekondarja Maria Assunta fil-Ħamrun. 

    Il-ground – b’daqs ta’ 63 x 100 - hu mgħammar bi stand tal-ispettaturi li tilqa’ sa 1,600 ruħ. Il-binja għandha kmamar li se jintużaw bħala changing rooms kif ukoll kmamar amministrattivi. Il-ground hu parti minn kumpless li se jinkludi swali li jintużaw għal sports differenti fosthom is-snooker, il-billiards, u d-darts, apparti gym.

    Is-Segretarju Parlamentari spjega li dawn il-faċilitajiet se jaqgħu direttament taħt SportMalta sabiex  jintużaw sal-massimu tagħhom. Fil-fatt hu maħsub li l-faċilitajiet jintużaw matul il-ġurnata kollha - filgħodu mit-tfal tal-iskola, u filgħaxija mill-club tal-football u mill-football nursery ta’ Santa Venera.        

    Is-sit se jintuża wkoll mit-team tal-frame football tal-club li jilqa’ fih madwar 15-il tifel u tifla li jużaw frame biex ikunu mobbli. L-istess team se jmur barra minn pajjiżna fix-xhur li ġejjin biex jieħu sehem f’tournament tal-frame football

    Indirizza lil dawk preżenti wkoll il-President tal-club Rennie Briffa li rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex tlesta dan il-proġett.