Għotja ta’ €106,000 mill-Ministeru għal Għawdex għat-tisbieħ ta’ Pjazza tas-Santwarju Nazzjonali ta' Pinu

     “Il-Gvern impenjat u se jibqa’ mpenjat li jaħdem ma’ entitajiet varji tal-knisja biex jagħtihom appoġġ fil-ħidma li qegħdin iwettqu biex itejbu l-kwalitá tal-ħajja ta’ tant persuni”. Qal dan il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo wara li ntlaħaq ftehim mas-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu  fejn il-Ministeru ta’ Għawdex ta għotja sostanzjali biex isir restawr fuq il-pjazza. Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qiegħed jiffinanzja parti minn dan il-proġett  permezz ta’ għotja ta’ €106,000.

    Il-Ministeru għal Għawdex daħal fi ftehim mal-Amministrazzjoni tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu biex jitwettaq partijiet minn proġett ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-istess Santwarju. 

    L-importanza ta’ dan il-proġett hi li fuq kollox tigi rranġata l-ħsara li ġarrab iz-zuntier matul s-snin minħabba l-infiltrazzjoni tax-xita peress li għal tant snin kien jintuża bħala parkeġġ.  

    Dan l-proġett ser iservi ukoll biex is-Santwarju jkun skont linji nternazzjonali sabiex jkun jista’ jilqa’ l-eluf ta’ pellegrini  li jżuruh kull sena u b’hekk jissokta jikkontribwixxi biex fil?gżejjer tagħna jikber it?turiżmu reliġjuż. Hekk ser ikun possibli li jsiru diversi ċelebrazzjonijiet fuq barra kif isiru f’santwarji barranin. Fost ix-xogħol li ser isir, ta’ min isemmi r-rappreżentazzjoni fil-mużajk tal-Għoxrin Misteru tar-Rużarju Mqaddes, xogħol tac-Centro Aletti ta’ Ruma mmexxi minn Padre Marko Ivan Rupnik SJ. Dan ser ikun proġett uniku fl-għamla u l-portata tiegħu, u sa’ issa dan ser ikun l-uniku Santwarju fid-dinja bil-Misteri kollha tar-Rużarju mdawwrin miegħu. Ix-xogħlijiet ta’ Padre Rupnik huma mxerrdin fl-akbar santwarji internazzjonali, fosthom Lourdes, Fatima, San Ġiovanni Rotondo, is-Santwarji ta’ San Ġwanni Pawlu II fil­-Polonja u f’Washington, is-Slovenja, Spanja u diversi pajjiżi oħra. B’hekk issa s-Santwarju Ta’ Pinu se jidħol ukoll fuq dan l-itinerarju mportanti ma’ dawn is-Santwarji kollha.

    Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tenna  li għaddej ġmielu l-proġett  madwar is-Santwarju Nazzjonali ta' Pinu li kuljum jiġbed lejh mijiet ta' devoti Maltin, Għawdxin u turisti.

    Huwa kellu kliem ta’ tifħir  għax-xogħol  li għaddej. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li hu dejjem fittex dak li jgħaqqad. Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, John Borg u  mir-Rettur ta’ Pinu Fr Gerald Buhagiar fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.