Il-Qorti ċċaħħad l-Alleanza Bidla milli jikkontestaw iktar minn żewġ distretti

    Il-Qorti Superjuri tal-Appell aċċettat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali li tilqa’ l-oppożizzjoni tal-Moviment Patrijotti Maltin, li fiha dawn tal-aħħar opponew għal kandidati li kkontestaw fuq iktar minn żewġ distretti. 

    Il-‘patrijotti’ opponew mal-Kummissjoni kontra ‘Alleanza Bidla’, wara li dawn tal-aħħar innominaw lill-President tagħhom Ivan Grech Mintoff u Joseph Giardina fuq 12 u 11-il distrett rispettivament. Saviour Xuereb, minn naħa l-oħra, kien nominat fuq għaxar distretti. Il-Kummissjoni għall-ewwel laqgħet in-nomini, iżda mbagħad irtirat id-deċiżjoni.

    Wara li seħħ dan kollu nfatti, l-Kummissjoni saħqet li Grech Mintoff għandu jikkontesta l-ewwel u t-12-il distrett, Giardina jikkontesta s-seba’ u t-12-il distrett, waqt li Xuereb jikkontesta s-sitta u l-11. 

    Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, flimkien mal-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri presedew il-qorti tal-appell, qablu mar-raġunar tal-Kummissjoni Elettorali, fejn il-liġi tgħid b’mod ċar li wieħed jista jikkontesta biss fuq żewġ distretti.

    Il-qorti madanakollu rrimarkat li l-Kummissjoni falliet milli tagħmel xogħolha b’mod xieraq, wara li fil-bidu aċċettat in-nomina ta’ dawn, fejn kien wara li l-patrijotti opponew li din ħadet deċiżjoni.