Panathinaikos kontra PAOK tiġi abbandunata minħabba l-vjolenza

    F’logħba importanti fil-Greċja, il-coach ta’ PAOK, Vladimir Ivic, ġie milqut b’daqqa ta’ flixkun f’rasu waqt play-off kontra Panathinaikos biex min jirbaħ jikkompeti fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

    Kien fil-55 minuta b’Panathinaikos minn fuq 1-0 u biż-żewġ timijiet b’10 players fil-ground meta nqalgħet ġlieda li rat żewġ players oħra jiġu mkeċċija.

    Ftit ħin wara l-coach ta’ PAOK, Ivic, waqa’ fl-art wara li ġie milqut bi flixkun mitfugħ minn partitarju u l-logħba ġiet imwaqqfa qabel ma ġiet abbandunata.

    Il-coach ta’ 40 sena ntlaqat fuq il-lemin ta’ rasu u ġie mdewwi fid-dressing room ta’ Stadio Apostolos Nikolaidis, f’Ateni, qabel ma ttieħed l-isptar fejn sarulu l-punti.

    Wara li l-logħba damet kważi siegħa sospiża, ir-referee Giorgos Kominos ma kellux triq oħra ħlief li jabbandunaha.

    PAOK, Panathinaikos, AEK Athens u Panionios, jinsabu fi play-off biex wieħed minnhom jingħaqad mar-rebbieħa tal-kampjonat, Olympiakos, fiċ-Champions Lea­gue.

    Odisseas Vlachodimos ta’ Panathinaikos, ġie mkeċċi wara 20 minuta meta t-team tiegħu kien goal minn fuq iżda Amr Ward ġie muri l-karta s-safra darbtejn fi spazju ta’ erba’ minuti fit-tieni taqsima biex it-timijiet reġgħu ġew indaqs.

    Tliet minuti wara, l-ex goalkeeper ta’ Barnsley, Luke Steele, ġie mogħti bis-sieq minn Jose Angel Crespo ta’ PAOK, li wara qabad lill-kollega ta’ Steele minn għonqu u tefgħu mal-art.

    Dan wassal għaf ħafna mbuttar minn bosta players u hawnhekk tkeċċew ukoll id-difensur mill-Mali ta’ Panathinaikos, Ousmane Coulibaly, u l-midfielder Ukren ta’ PAOK, Yevhen Shakhov.