"L-infrastruttura qed taqa' biċċiet"

    Il-President tal-MHRA Tony Zahra rrimarka li l-infrastruttura qed taqa' biċċiet u saħaq li trid issir xi ħaġa għax dik li għandna ma kinietx maħsuba għall-ammont ta' nies u traffiku li hawn fil-pajjiż.
     
    Huwa qal dan fi tmiem attivita li fiha l-kumpanija Deloitte ippreżentat l-istħarriġ li għamlet dwar l-andament tal-lukandi matul l-2016.
     
    Zahra sostna li l-pajjiż jeħtieġ bejn €5 biljun u €6 biljun biex jirranġa l-infrastruttura imma nsista li dan jeħtieġ li jsir għax inkella jkollna problemi kbar.
     
    Huwa wissa wkoll li jekk nitilfu l-Airmalta jkollna problemi kbar u fakkar li l-linji tal-ajru l-oħra li jiġu Malta ma jagħmlux dan għax iħobbuna imma għandhom suq.
     
    Il-President tal-MHRA nsista wkoll li x-xogħol fuq Buġibba kien jinħtieġ isir issa u dwar l-enerġija qal li l-prezz tiegħu f'Malta huwa erba' darbiet dak fl-Istati Uniti.
     
    Dwar it-turiżmu qal li l-2016 kienet sena oħra rekord u iddeskriviha bħala waħda "inkredibbli" għalkemm wissa li m'għandnix nirraġunaw li għax l-affarijiet sejrin tajjeb se jibqgħu sejrin hekk bla ma naħdmu.