€750,000 għall-Kumitati Reġjonali, kunsilli lokali u Kumitati Amministrattivi

    Waqt it-tnedija tal-għaxar edizzjoni tal-fond għal attivitajiet kulturali organizzat mill-awtoritajiet lokali f’pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li “dan il-fond jgħin biex il-Kumitati Reġjonali, il-kunsilli lokali u l-Kumitati Amministrattivi jkunu jistgħu jipproponu attivitajiet ta’ natura kulturali li permezz tagħhom jiġu promossi diversi aspetti tal-istess komunitajiet applikanti”.

    Stefan Buontempo qal li l-iskema kulturali b’valur ta’ €750,000 ġiet imtejba, u spjega li “dawn l-aspetti jinkludu fost oħrajn il-promozzjoni tal-identità lokali u/jew reġjonali, il-promozzjoni tal-wirt storiku, tal-patrimonju arkitettoniku u dak kulturali tal-komunitajiet varji, u l-promozzjoni tal-artisti fil-komunità”. 

    Fl-okkażjoni tal-anniversarju mit-tnedija tal-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet relatati, il-Gvern ħass il-bżonn li jemenda l-mod ta’ kif jitħaddem dan il-fond.

    Is-Segretarju Parlamentari kompla li, “b’differenza għal dak li kien isir sal-lum, ġie deċiż li l-iskema għal dan il-fond toħroġ għal perjodu ta’ tliet snin u mhux għal sena waħda biss kif kien jiġri qabel. Dan qed isir biex l-awtoritajiet lokali jkollhom l-opportunità li jaħdmu f’qafas ta’ strateġija lokali jew reġjonali li torbot direttament ma’ inizjattiva riċenti li nedejna ftit tax-xhur ilu u li permezz tagħha l-Kumitati Reġjonali ngħataw €100,000 biex jippreżentaw qafas ta’ programm ta’ ħidma li jikkonċentra fuq l-aspetti ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-komunitajiet li jirrappreżentaw”.

    Dan għandu jwassal għal programm interessanti u varjat ta’ attivitajiet li żgur għandu jolqot il-gosti ta’ kulħadd. Għal dan il-għan id-Direttorat għall-Gvern Lokali daħal fi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti għal proġett Ewropew bl-iskop li jipprovdi aktar għarfien u taħriġ fil-qasam kulturali lill-impjegati tal-awtoritajiet lokali Maltin u Għawdxin. Dan għandu jwassal għal aktar proġetti b’elementi innovattivi kif ukoll ta’ kwalità ogħla.

    Dan il-fond hu kofinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), b’appoġġ mill-V18, u mill-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien mad-Direttorat għall-Kultura.