"Ma nħallux is-cyberbullying ikun ostaklu għat-tfal"

    Waqt konferenza mtella' mill-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi ġewwa lukanda ewlenija fil-Floriana.

    Waqt d-diskorsi ta' introduzzjoni li taw l-President ta' Malta, l-Onorevoli Marie Louise Coleiro Preca, u Marlene Mizzi, taw ideja ġenerali dwar l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ta' kuljum dwar il-problema tal-abbuż fuq l-internet minn diversi persuni li jattakkaw lil dawk vulnerabbli.  Saħqu li ma jistgħux jibqgħu siekta meta jaraw kemm hemm tfal u minorenni li qed jgħaddu minn tbatija, ħafna drabi fis-silenzju. 

    Komplew jgħidu li irid isir xi ħaga malajr, hekk kif ħafna minn dawn it-tfal qed ikunu f'riskju li jaqgħu f'dippressjoni, anke kif jixhdu diversi rapporti maħruġa mill-Kummisjoni Ewropeja. 

    Il-President semmiet li rapport ippublikat din is-sena mill-European University Institute, wera li erba' pajjiżi biss ġewwa l-Ewropa għandhom politika żviluppata sew dwar l-litteriżmu fil-media, li sfortunatament juri li Malta hija waħda minn erba' pajjiżi bla politika ta' xejn dwar dan il-fattur.

    Marlene Mizzi qalet li għalkemm l-internet ta aċċess bla limitu għar-riżorżi, l-problema hija kbira bi sfidi ġodda kuljum biex jiġu protetti ċ-ċittadini. Hekk kif hemm miljuni ta' vittmi f'dan iċ-ċirku, s-cyberbullying jibqa` inviċibbli. Sostniet li hi se tkompli taħdem biex suġġett bħal dan jingħata aktar importanza u biex l-Unjoni Ewropeja tkompli tiġġieled għal aktar sigurta fuq siti tal-internet biex jiġi eliminat is-cyberbullying. 

     

    Fost l-persuni mistiedna għal din il-konferenza hemm l-Onorevoli Ministri Evarist Bartolo, Michael Farrugia u Emanuel Mallia li kollha se jagħtu l-kummenti tagħom waqt diskussjonijiet varji. Mistiedna ohra jinkludu l-Kummisarju għat-Tfal Pauline Miceli, l-Ispettur Timothy Zammit mis-Cyber Crime Unit, u persuni mis-setturi tal-edukazzjoni, organizzazzjoniet favur drittijiet ċivili, studenti u ġenituri.