Aġġornata: "Jien l-annimali nħobbhom daqs it-tfal tiegħi"

    Fl-aħħar ħin il-persuna kkonċernata għamlet kuntatt ma' Inewsmalta fejn ikkonfermat dak li intqal minn bosta persuni li saħqu li hija ma tasal qatt sabiex taħqar l-annimali. "Jien l-annimali nħobbhom daqs it-tfal tiegħi!" Hekk saħqet tgħid din il-mara filwaqt li spjegat kif ma kinitx l-intenzjoni tagħha li taħqar l-annimali. Hija kkonfermat tgħid li hi kellha f'moħħha xi ħaġa simili, iżda ta' daqs adattat għall-kelb tagħha. Din il-persuna kkonkludiet tgħid li bosta nies ikkumentaw u ġġudikaw b'mod żbaljat dwar dak ir-ritratt.

    Aktar qabel:“Għax ma tingħalaqx int fiha!” u “Mela se trabbi t-tiġieġ fis-salott jew?” kienu tnejn minn fost il-bosta kummenti wara li dan ir-ritratt deher fuq il-midja soċjali . 

    Dan ir-ritratt qajjem furur fost bosta nies li saħqu li din l-istruttura mhijiex adattata għal dak it-tip ta’ taħriġ li jissejjaħ “cage training”.

    Kollox beda kif persuna partikolari staqsiet minfejn tista’ issib taħdem struttura simili għal dik li tidher fir-ritratt. Sa mill-ewwel kummenti bosta kienu dawk li urew rabja lejn dak li kienet mistennija tagħmel din il-persuna li skont persuni oħrajn li kkumentaw intqal li “din il-persuna tħobb ħafna l-annimali”.

    Din il-persuna kompliet tisħaq li dan huwa tip ta’ taħriġ li jilqa’ minn kmieni sabiex il-klieb jidraw it-territorju tagħhom. 

    Fost il-ħafna kummenti dwar dan ir-ritratt kien hemm bosta persuni li urew ir-rabja tagħhom, oħrajn li saħqu li din il-persuna ma tasal qatt sabiex taħqar l-annimali u oħrajn li ssuġġerew alternattivi aktar adattati sabiex isir dan it-taħriġ imsemmi.

    Milli jidher wara d-diversi kummenti li rċeviet din il-persuna ddeċidiet li tħassar dan ir-ritratt u dak li kien intqal dwaru.