"Il-ħidma tiegħi wara llejla se tkompli tissoda għas-snin li ġejjin"

    Wara li ċħadt l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna u tlabt lill-Avukati tiegħi sabiex jinstema’ libell b’urġenza tajt ukoll struzzjonijiet lill-Avukati tiegħi biex ikellmu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tibda inkjesta bil-Maġistrat Inkwerenti. Il-ħidma tiegħi wara llejla se tkompli tissoda għas-snin li ġejjin.

    Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat f’intervent telefoniku fuq ONE.

    Il-Mexxej Laburista rringrazzja lil mijiet ta’ persuni li urew solidarjetà ġenwina miegħu u l-familja tiegħu, solidarjetà li ġiet across the board, min-nies bit-twemmin politiku differenti. Jekk illejla kelli xi rimors wara din l-akbar gidba fl-istorja politika, gidba faħxija, meta tara l-messaġġi li waslu terġa’ mill-ewwel tinsa r-rimorsi, sostna l-Prim Ministru.

    Il-Prim Ministru qal li huwa tant m’għandux x’jaħbi li qed imur għal Maġistrat, li mhux jagħżlu hu, iżda Maġistrat tal-Għassa, li jkun imissu fuq ix-schedule, li se jinvestiga dak li għandu jinvestiga. Jien u marti se nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna, għalkemm imdejjqin, aħna sodi u se nibqgħu għaddejjin ‘il quddiem, stqarr Dr Muscat.

    Filwaqt li sostna li jiddispjaċih għall-familja tiegħu li tinsab taħt attakk sempliċiment għax huwa l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista huwa saħaq li għada se jkun għall-Konferenza Ġenerali Annwali u nhar it-Tnejn għall-Mass Meeting tal-1 ta’ Mejju fil-Belt Valletta.