"Se nibdew proċeduri legali... Gidba faħxija"

    Il-Prim Ministru, Joseph Muscat f’konferenza stampa li għadu kif għamel iddikjara li "Illum smajna l-akbar gidba politika fl-istorja ta’ dan il-pajjiż. Niċħad kategorikament, naħlef f'isem marti u l-familja li kelli, qatt kelli, għandi xi tip ta’ kont jew kumpanija mhux dikjarati f’Malta jew barra. Inżid li la qatt iffirmajt la jien la marti xi tip ta’ dokument li jittrasferixxi xi ishma ta’ xi kumpanija fuqi fil-futur. La qatt iffirmajt u lanqas qatt ġejt offrut. Jien u marti meta dħalna għal din il-ħajja iddeċidejna li nagħmlu l-inqas ammont possibbli ta’ libelli. Filfatt kemm ilni fil-ħajja pubblika fl-aħħar disa’ snin għamilt libell wieħed. Iddeċidejna li ma nagħtux kas lil Daphne Caruana Galizia minkejja li ppruvat tavvelixxi lilna u l-ġenituri tagħna u uliedna. Dejjem konna reżoluti li ma nagħtux kasha. Gidba għal din ma nistax inħalliha għaddejja meta hi sostnuta b’mod irresponsabbli b’mod inetiku mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-medja tiegħu."

    Hu ddeskriva dak li ntqal bħala gidba faħxija u ddikjara li kemm hu u kemm martu se jiftħu proċeduri legali kontra dan il-gideb. Hu ddikjara li se jżomm lill-Kap tal-Oppożizzjoni responsabbli għal dan kollu. 

    Hu qal dan meta kien qed iwieġeb għal dak li ġie allegat fl-aħħar sigħat minn Daphne Caruana Galizia u l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-kumpanija Egrant hi ta’ mart il-Prim Ministru Joseph Muscat.