L-akkużat mixli bil-qtil ta' Sylvester Farrugia ma kellux armi rreġistrati fuq ismu

    Ikompli jinstema’ l-każ tal-qtil fil-Marsa...

    Hekk kif kompla jinstema’ l-każ dwar il-delitt li seħħ xahrejn ilu fil-Marsa, irriżulta li l-akkużat Deniro Magri, ma kellu ebda armi reġistrati fuq ismu. 

    Dan ħareġ mix-xhieda tal-Kuntistabbli Rachel Hunt, li kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni li għaddej Magri, ta’ 27 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia, iż-żagħżugħ ta’ 25 sena miż-Żurrieq. Id-delitt seħħ fit-12 ta’ Frar li għadda fi Triq Simpson fil-Marsa.

    Sadanittant, matul is-seduta tal-bieraħ, xehed ukoll ix-xufier tal-ambulanza li kien fuq il-post tal-inċident. Huwa rrakkonta li kulma ra kienet karozza tal-għamla Toyota Starlet li ma kinitx ipparkjata kif suppost u l-vittma wiċċu ‘l fuq. 

    Il-Kuntistabbli Neil Micallef xehed li meta mar fuq il-post, huwa nnota lill-vittma li kien liebes żarbuna waħda u kien liebes ingwanti. Qal li fuq is-seat ta’ wara tal-vettura, seta’ jinnota wkoll żarbuna oħra u li minn tfittxija li għamel fuq il-vittma, ma kinux instabulu dokumenti. 

    Il-każ mistenni jkompli nhar il-25 ta’ Mejju li ġej. 

    Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud filwaqt li l-Avukati Mario Camilleri, Franco Debono u Giannella De Marco qed jidhru għal Magri.