Bil-filmat: €17-il miljun għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku

    Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku, għat-tmien snin li ġejjin, se jkunu qed igawdu minn ftehim kollettiv ġdid. Il-ftehim, li ġie ffirmat mill-Prim Ministru u minn diversi unjins f’Kastilja, se jkun qed jagħti żieda ta’ €17-il miljun, li saħansitra jitilgħu għal €20 miljun.

    Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Cutajar, spjega li dan il-ftehim kollettiv, li hu “l-ikbar wieħed tax-xorta tiegħu,” se jkun qed jaffettwa lil iktar minn 30,000 imjegat mal-Gvern. Barra minn hekk, se jinħoloq ukoll effett ikbar, minħabba li flimkien ma’ dawn il-ħaddiema se jintlaqtu diversi entitajiet.

    Il-Unjins li ffirmaw dan il-ftehim kienu l-General Workers’ Union, il-Kamra Maltija tal-Psikologi, l-Unjin Maltija tal-Infirmiera u l-Qwiebel, l-Unjin Maltija tal-Għalliema, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-Union Ħaddiema Magħqudin, u l-Unjin tal-Periti u l-Inġiniera tas-Servizz Pubbliku.

    Waħda mill-iktar affarjiet importanti hi li se nkunu qed nindirizzaw l-anomalija fil-paga tal-ħaddiema tal-Gvern, saħaq Cutajar, hekk kif kien hemm faxxa ta’ ħaddiema li kienu qed ibagħtu billi ma jintlaqtu qatt.

    Lil hinn minn żidiet, fil-ftehim kollettiv ġew diskussi wkoll diversi oqsma oħra, fosthom, taħriġ u edukazzjoni għall-ħaddiema, bi ftehim ankè mal-Università u l-MCAST.

    Wara ħafna snin se jkun hemm ukoll bidla fix-‘shift allowances’, xi ħaġa li fl-aħħar snin “kienet minsija”.

    Is-Segretarju Permanenti spjega li dan il-ftehim kien wieħed li inkorpora fih ħafna xogħol, hekk kif apparti l-ftehim kollettiv ‘il-kbir’, kellhom isiru madwar 70 ftehim iżgħar settorali. Kull wieħed minn dawn se jdum fis-seħħ għal ħames snin li ġejjin. 

    Fid-diskussjonijiet li wasslu għall-iffirmar tal-ftehim, “il-Gvern u l-unjins tkellmu wkoll dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, hekk kif se jkollna linji ġenerali ‘ċari daqs il-kristall’ ta’ kif se nimxu f’dan ir-rigward,” elenka hu.

    Cutajar qal li fejn ftehim kollettiv idum iktar minn sentejn biex jiġi iffinalizzat, din id-darba sar tard ukoll, iżda b’erba’ xhur biss. 

    Is-Segretarju Permanenti Mario Cutajar qal li din l-amministrazzjoni qed taħdem qatigħ biex iddaħħal KPIs, li jagħmlu s-sistema dejjem iktar effiċċjenti, u biex tkompli bil-għan tal-Gvern li titnaqqas il-burokrazija.

    “Il-Gvern irid imexxi bl-eżempju”

    Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, li qal lill-dawk preżenti li qabel kollox, il-Gvern irid jestabilixxi ruħu bħala ‘example employer’.

    Fi żmien fejn qed naraw tkabbir ekonomiku bla preċedent, u l-postijiet tax-xogħol jiżdiedu bil-kbir, qal il-Prim Ministru, irridu nassiguraw ruħna li mhux biss ikollna x-xogħolijiet, iżda li noħolqu xogħolijiet ta’ kwalità. Kompla jgħid li fil-ftehim mhux sempliċiment qed inżidu l-paga ta’ 30,000 ħaddiem, iżda qed ngħollu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn, kif ukoll “nagħtuhom iktar drittijiet.”

    Hu ma naqasx li jsemmi s-surplus, fejn qal li din hi xi ħaġa sabiħa ferm, iżda ma tiswa xejn “jekk titħalla fil-kexxun.” Is-surplus irid jintuża biex nagħtu żidiet sbieħ bħal dawn, saħaq hu, biex il-livell t’għajxien tal-Maltin jogħla.

    “Permezz ta’ dan li qed nagħmlu, qed ngħinu lill-ħaddiema, issa nistennew li l-ħaddiema jgħinuna, billi jkunu effiċċjenti, u jħaffu l-pass biex ilaħħqu mal-ekonomija mgħaġġla ta’ llum,” appella Muscat.

    Spjega wkoll li l-Gvern qed jiġġieled bla preċedent kontra l-prekarjat, waqt li għaddejja ġlieda wkoll kontra l-fatt li ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol iżda jitħallsu differenti.

    Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-KPIs huma essenzjali ferm, minħabba li dawn jindikaw lil kulħadd kemm fil-verità huma effiċċjenti l-ħaddiema tas-servizz pubbliku, li jitħallsu mill-flus tat-taxpayers. Il-flus li l-poplu qed jinvesti fil-ħaddiema jridu jintraddu lura kif sippost, u bl-iktar mod ġust f’servizz effiċċjenti.