Terz tal-popolazzjoni tal-ħut fil-Mediterran sparixxiet f'50 sena

    Għal diversi xjentisti l-Baħar Mediterran jinsab f'riskju li jispiċċa baħar mejjet. Dan minħaba l-mod kif il-ħut qed jisparixxi minn dan il-baħar kemm minħabba tniġġiż, bidla fil-klima u anke sajd esaġerat għal ċertu speċi.

    Fi studju li għadu kif ġie ppubblikat fil-ġurnal 'Nature', intqal li xejn inqas minn 93 fil-mija tal-popolazzjoni tal-ħut qed ikunu vittmi ta' sajd esaġerat. L-istess studju jgħid li jekk mhux se jkun hemm azzjoni immedjata dan se twassal għal dannu irriversibbli bir-riskji li xi speċi ta' ħut li huma importanti għall-industrija tas-sajd fl-Ewropa jikkrollaw. 

    Mill-istess studju li sar mill-'Joint Research Centre' qed jingħad li l-Mediterran tilef xejn inqas minn 41 fil-mija tal-mammiferi  tiegħu u 34 fil-mija tal-popolazzjoni tal-ħut fil-Mediterran f'ħamsin sena.  

    L-akbar ammont ta' tnaqqis ġie reġistrat fil-punent tal-Mediterran u fil-Baħar Adrijatiku.  Hekkhekk it-tnaqqis kien ta' 50 fil-mija.  Fil-Baħar Ionju kien hemm l-anqas tnaqqis u dan kien ta' 8 fil-mija. 

    Jann Martinsohn li mexxa l-istudju qal li "l-baħar Meidterran hu suxxettibbli għal effetti negattivi fosthom bidla fil-klima, skart li jintefa' fil-baħar u anke speċi aljeni." Hu jispjega li meta l-ħut ikunu vittma ta' sajd esaġerat dan ma jkollux iċ-ċans li jipproduċi. 

    Ta' min jgħid li fl-aħħar ta' Marzu, waqt laqgħa f'Malta kien hemm qbil għal strateġija dwar said sostenibbli. Il-JRC hu grupp ta' xjentisti mwaqqfin mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħmlu riċerka xjentifika indipendenti.