Eks-ħaddiema tas-Sea Malta b’donazzjoni lil Dar il-Kaptan

    Ingħatat donazzjoni ġeneruża lil Dar il-Kaptan mill-eks-Chairman tas-Sea Malta, l-MPE Marlene Mizzi, f’isem għadd ta’ eks-ħaddiema tat-trasport tas-Sea Malta. Id-donazzjoni saret permezz ta’ ġabra li għamlu l-eks-ħaddiema tas-Sea Malta wara li rċevew is-salarji li kienu tagħhom bid-dritt wara battalja ta’ għaxar snin il-Qorti.

    “Għalkemm stennejna għal żmien tant twil biex issir ġustizzja magħna u nieħdu dak li kien tagħna bi dritt, ridna naqsmu s-suċċess  wara t-tmiem ta’ din l-istorja twila ma’ persuni li huma inqas ixxurtjati minna. Ridna wkoll nirringrazzjaw lis-Sinjura Mizzi, l-eks-Chairman tagħna, talli dejjem kienet hemm u assistietna matul dawn is-snin kollha, billi tlabnieha toffri bħala donazzjoni li ġbarna lil organizzazzjoni ta’ karità tal-għażla tagħha,” qal kelliem għall-eks-ħaddiema tat-trasport tas-Sea Malta.

    Is-Sur Joseph Gerada, Amministratur ta’ Dar il-Kaptan qal li "f'isem il-klijenti kollha tagħna nixtieq nirringrazzja lil eks-ħaddiema tat-trasport tas-Sea Malta  għad-donazzjoni ġeneruża tagħhom. L-impenn tagħkom biex tgħinu l-kawża gusta tagħna huwa sinċerament apprezzat. Kull sena l-Fondazzjoni tagħna tkompli taħdem fuq il-missjoni tagħha li tippermetti familji biex ikomplu l-kura għall-membri tal-familja b'diżabilità biex b'hekk jintegraw kemm fil-familja u fil-komunità u b'hekk jevitaw l-istituzzjonalizzazzjoni. Dan isir billi nipprovdi persuni b'diżabilità b'day and residential respite breaks f'ambjent b'saħħtu u awtonomu. Dawn hekk msejħa breaksjgħinu lill-carer ewlieni l-mistrieħ meħtieġ biex b'hekk ikun jista' jkompli bl-appoġġ tiegħu lil membru tal-familja tagħhom li jbati b'diżabilità, u b'hekk jitnaqqas l-istress u possibilment l-kriżijiet fil-familja. Permezz tal-programmi tagħna rajna ħafna ħajjiet li marru għall-aħjar. Bl-għajnuna ta’ donazzjonijiet minn persuni bħalkom, se nkomplu naraw aktar titjib."

    Marlene Mizzi, li bħalissa hija wkoll Membru Parlamentari Ewropew, serviet bħala ċ-Chairmantal-kumpanija tat-tbaħħir għal disa' snin u rriżenjat volontarjament wara nuqqas ta' qbil mal-eks-Ministru Austin Gatt dwar kif il-privatizzazzjoni tal-kumpanija kien qiegħda tiġi mmaniġġjata, qalet: "Ninsab onorata li żammejt kuntatt, assistejt kemm stajt u kont hemm għal dawn il-persuni li għalihom il-ġustizzja kienet miċħud għal żmien twil. Nistqarr li ninsab impressjonata wkoll bil-ġenerożità ta' dawn in-nies li taw donazzjoni mdaqqsa mill-qligħ leġittimu tagħhom. Napprezza wkoll il-ġest li xtaqu personalment jirringrazzjawni tal-għajnuna li tajthom u talbuni biex nagħżel organizzazzjoni tal-għażla tiegħi biex jibbenefikaw mid-donazzjoni ġeneruża tagħhom. Dawn il-persuni kienu ttrattati ħażin ferm meta s-Sea Malta nqerdet volontarjament u kellhom jistennew aktar minn għaxar snin għal dak li kien tagħhom bi dritt. Iżda wara dan kollu huma għażlu li jaqsmu s-salarji tagħhom ma’ persuni oħrajn meta rċevew il-ħlas tagħhom. Il-qalb kbira taghhom hija imprezzabbli u ninsab ferm kburija bihom," qalet Marlene Mizzi.

    Il-grupp intwera Dar il-Kaptan u ngħata tagħrif dwar il-ħafna servizzi u faċilitajiet li toffri d-Dar lill-persuni li tilqa’.