Lidl b'żieda fl-impjiegi u l-produzzjoni f'Malta... l-impiegi se jiżdiedu b'120, il-produzzjoni bi €19 miljun

    Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona ħabbar waqt laqgħa is-sensiela Gvern Li Jisma li l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks għadhom kif laħqu ftehim ma’ Lidl biex jistabilixxu f’pajjiżna International Regional Distribution Center. 

    "Dan huwa investiment dirett barrani ieħor ta’ prestiġju li rnexxilna nattiraw lejn pajjiżna minkejja l-kompetizzjoni ħarxa li kellna minn pajjiżi ġirien tagħna", huwa qal.

     Cardona sostna li l-benefiċċji ta’ dan l-Internation Regional Distribution Center mhumiex limitati għal impjiegi biss li se jinħolqu li jammontaw għal aktar minn 120.

    Magħhom il-Lidl mistennija li fi żmien tliet snin il-kumpanija żżid minn €3 miljun għal €22 miljun l-ammont ta’ prodotti manifatturati lokalment li fil-maġġoranza tagħhom se jmorru għal esportazzjoni. 

    Huwa qal li l-Lidl se tmur għand kumpaniji oħra f’Malta li jimmanifatturaw il-prodotti, tixtri mingħandhom u wara tesporthom f’diversi pajjiżi. 

    Cardona żied li dan huwa eżempju klassiku tal-potenzjal kbir li għandu pajjiżna fis-settur tal-loġistika u rrimarka li jawgura tajjeb biex aktar kumpaniji ta’ reputazzjoni internazzjonali bħal Lidl jistabilixxu operat simili fostna.