Festa tal-Lunzjata f’Ħal Millieri

    Din is-sena il-festa tal-Lunzjata fil-kappella medjevali ta’ Ħal Millieri (Iż-Żurrieq) ser tiġi ċelebrata nhar il-Ħadd 26 ta’ Marzu 2017.  Dak in-nhar il-kappella tkun miftuħa għall-pubbliku mid-9.00 a.m. sas-6.00 p.m.  Il-Quddiesa tibda fl-10.00 a.m.u tintemm bit-tberik taċ-ċimiterju.  Is-soċjeta Din L-Art Ħelwa li ilha tieħu ħsieb din il-kappella sa mill-1966, qed torganizza żewġ guided tours tal-post, immexxija minn Dr Stanley Farrugia Randon fil-11.15 a.m., wara l-quddiesa, u mill-kuratur tal-kappella s-Sur Anthony Mangion fl-4.00 p.m.

    Il-kappella medjevali ta’ Ħal Millieri hija fost l-aktar monumenti importanti taż-żmien nofsani Malti.  Il-binja li naraw illum tmur lura sa madwar l-1450, iżda t-tiftix arkeoloġiku wera’ illi qabilha kien hemm ġa’ kappella eqdem, aktarx tas-seklu tlettax, u din kienet inbniet fuq l-artijiet ta’ qasam agrikolu Ruman li darba kien hemm f’dawk l-inħawi.  Il-kappella ta’ Ħal Millieri hija magħrufa l-aktar għall-arkitettura medjevali tagħha, u għall-affreski uniċi li jżejjnu ħitanha.  Dawn l-affreski bi xbiehat ta’ qaddisin antiki kienu aktarx ikkuppjati mill-kappella l-antika, u kienu ġew restawrati bil-ħidma tas-Soċjeta Din l-Art Ħelwa li salvathom bħala l-isbaħ eżemplar li fadlilna tal-arti reliġjuża medjevali f’Malta.

    Il-kappella ta’ Ħal Millieri tintlaħaq minn Triq l-Imqabba fil-bidu ta’ Vjal il-Blue Grotto iż-Żurrieq, jew minn Misraħ il-Ġublew tad-Djamanti (Fuq il-Mentna) f’tarf il-bypass tal-Imqabba.