Laqgħa Straordinarja mill-MBA

    L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Boxing sejħet lill-membri tagħha għal-Laqgħa Generali Straordinarja, nhar il-Ħamis li għadda, 16 ta’ Marzu.  L-għan tal-laqgħa kien li jigu diskussi diversi suġġetti fosthom ir-riżenja tal-Kap Eżekuttiv, Marc James, wara li dan kien issospenda lilu nnifsu minħabba diżgwid ma’ uffiċjali tal-MBA.

    Michael Bonello, il-president attwali tal-MBA, irringrazzja lis-Sur James tas-servizz li ta lill-MBA fil-passat u nforma lill-membri bl-aħħar żviluppi fuq il-każ fejn qal li minkejja diversi tentattivi sabiex tkun riżolta l-kwistjoni dan ma rriżultax fil-pożittiv.

    Fil-laqgħa ġew approvati xi membri ġodda fil-kumitat eżekuttiv u ttieħed vot ta’ fiduċja fit-tmexxija ta’ Michael Bonello bħala president sabiex jibqa’ jmexxi l-assoċjazzjoni ta’ dan l-isport li, f’dawn l-ahhar snin, kiber ħafna fil-popolaritá tiegħu f’pajjiżna.

    F’tali Laqgħa Ġenerali Straordinarja gew diskussi, fost l-oħrajn, is-sistema ta’ affiljazzjoni tal-clubs, l-assigurazzjoni tas-saħħa tal-atleti, il-liċenzji tal-boxers, tal-coaches u ta’ staff ieħor, u wkoll l-bżonn urġenti ta’ emendi fl-istatut tal-assoċjazzjoni.  Tali emendi mistennija li jitressqu għall-approvazzjoni fil-Laqgħa Generali Annwali li giet skedata għal Lulju 2017.

    Fil-Laqgħa Generali Straordinarja gie unanimament maqbul, li ma jinħarġux fil-publiku d-dettalji tad-diżgwid mal-ex uffiċjal tal-MBA bil-għan li jsir l-aħħar tentattiv sabiex tal-inqas dan jirritorna d-dokumentazzjoni kollha tal-aħħar erba’ snin. 

    Dan huwa mportanti sabiex il-kumitat attwali jkun f’pożizzjoni li jibqa’ jopera għall-ġid tal-Boxing Malti. Fin-nuqqas ta’ dan, l-MBA mhux se jkollha l-ebda alternattiva ħlief li tiftaħ preoċeduri legali sabiex tissalvagwardja l-inte­ressi tal-membri tagħha.

    Intant, il-membri kollha tal-MBA huma nformati li s-Sur Marc James mhuwiex awtorizzat jikkomunika ma’ terzi persuni f’isem l-MBA u wisq anqas jirrappreżenta lill-Assożjzzjoni fil-mezzi tax-xandir jew li jiġbor xi ħlasijiet.

    Kull kommunikazzjoni dwar operat ser tibda ssir mas-Sur Edwin Micallef li huwa membru fl-Eżekuttiv u li huwa responsabbli mill-Uffiċjali tal-Assoċjazzjoni.