Gwardjan lokali aggredit minn Serb

    Gwardjan lokali sofra minn ġrieħi ħfief hekk kif għall-ħabta tal-11 a.m kien aggredit wara argument li svolġa bejnu u bejn raġel Serb fil-limiti tan-Naxxar. 

    Għalkemm ir-raġuni wara l-argument mhijiex magħrufa Inewsmalta hija infurmata li l-gwardjan kellu jittieħed għall-kura u li r-raġel Serb kien arrestat mill-pulizija.

    Sadanittant it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-General Workers Union filwaqt li kkundannat dan l-attakk, mill-ġdid tappella lill-pubbliku biex jikkopera mal-Gwardjani Lokali meta dawn ikunu qed iwettqu dmirhom skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż u jifhem u japprezza x-xogħol diffiċli u delikat tagħhom. Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Charles Galea qal li: “Attakki vjolenti bħal dawn fuq ħaddiema, li huma wkoll uffiċjali pubbliċi, waqt ix-xogħol tagħhom m’humiex aċċettabli u ma jistgħux ikunu tollerati.”