F’pajjiżna hawn aktar opportunitajiet ta’ xogħol milli nies jirreġistraw għal impjieg

    Fir-raba’ kwart ta’ din is-sena, pajjiżna kellu fost l-ikbar rati ta’ offerti ta’ xogħol mhux mimlija – job vacancies – minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, minkejja li fl-2016 pajjiżna kellu l-ikbar rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea għar-raba’ sena konsekuttiva, xorta min iħaddem hawn Malta għandu bżonn iktar ħaddiema biex jimla l-postijiet kollha ta’ xogħol li hawn bħalissa.

     Skont il-Eurostat, fi tmiem l-2016 kien hawn 4,200 opportunita ta’ xogħol f’pajjiżna u 2,900 persuna jirreġistraw. B’kuntrast, fil-bidu ta’ din il-leġislatura, kien hawn 3,100 post ta’ impjieg mhux mimli u 7,350 persuna jirreġistraw.

    Dan ifisser li minn post tax-xogħol wieħed vojt għal kull żewġ persuni jirreġistraw fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet, issa għandna iktar minn post tax-xogħol wieħed għal kull min qed jirreġistra.

    F’Malta, l-employers qed ifitttxu li jżidu l-impjiegi magħhom bi 2.5%, ħafna iktar mill-1.8% madwar l-Unjoni Ewropea. Is-sena li għaddiet din ir-rata kienet ta’ 2.1% f’Malta kontra 1.7% fl-Unjoni Ewropea.

    L-operaturi f’Malta fil-qasam tal-manifattura u l-kostruzzjoni, skont l-Eurostat, għandhom offerti ta’ xogħol ekwivalenti għal 2.4%. Dan huwa ogħla mill-bżonn ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi madwar l-Ewropa, li jilħaq 1.4% biss. Fl-istess ħin l-operaturi f’Malta fil-qasam tas-servizzi għandhom offerti ta’ xogħol ekwivalenti għal 2.6% tal-ammont ta’ ħaddiema li għandhom bżonn, aktar mid-domanda fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, 2.1%. 

    Din l-istatistika tikkonferma s-suċċess tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol. F’dawn l-ewwel erba’ snin ta’ din l-amministrazzjoni nħolqu aktar impjiegi milli nħolqu fit-tliet leġislaturi ta’ qabel meħudin kollha flimkien. Qegħdin issa f’sitwazzjoni fejn l-ammont ta’ postijiet ta’ xogħol mhux mimlija huwa ogħla sew mill-ammont ta’ persuni li qed jirreġistraw għal xogħol.

    Dan il-Gvern ser ikompli jaħdem biex il-ġid ikompli jikber u jasal għand kulħadd