Il-Qorti tordna li jinqerdu 1,755 par ta' żarbun

    Il-Qorti ordnat biex jinqerdu xejn inqas minn 1,755 par ta' żarbun li kellhom il-marka falza ta' Timberland. Dawn iż-żraben kienu nqabdu mill-awtoritajiet tal-Freeport. 

    Il-kumpanija Eurl Iskalia IMP/EXP kienet mħarrka mill-kumpanija Amerikana Timberland Licensing LCC, li kienet irrappreżentata fil-Qorti minn l-Avukat Peter Fenech, li qalet li l-proprjetà intellettwali tagħha kienet miksura.

    Fill-Qorti ħareġ kif mill-ispezzjoni li l-Kontrollur tad-Dwana fil-Freeport ta' Malta żamm mijiet ta' kaxxi li kienu jikkontjenu 1,755 par ta' żraben li kellhom il-marka ta' Timberland.

    Din il-merkanzija falza, li kienet destinata lill-kumpanija Eurl Iskalia IMP/EXP, kien ġie trasportat abbord is-CMA CGM Vela li daħal fil-Freeport ta' Malta nhar id-9 ta' Settembru li għadda.

    Hekk kif il-vapur daħal, ittieħdu kampjuni li mill-kontejner suspettuż. Irriżulta li dawn ġew immanfatturati u esportati mingħajr l-awtorità ta' Timberland Licensing LLC, li hija s-sid leġittimu tat-trademark. 

    Ir-rappreżentant tal-kumpanija Eurl Iskalia IMP/EXP irrapporta lill-Qorti li testijiet li saru fuq il-merkanzija, ikkonfermaw is-suspett li dawn iż-żraben kienu foloz. 

    Fl-istess waqt, l-uffiċċjal tal-konsumatur irrapporta li dawn iż-żraben, ma ngħatawx l-awtorizzazzjoni mill-Freeport biex jinħarġu.

    Il-Qorti nnotat li l-produzzjoni ta' dawn il-prodotti tikser ir-regoli kemm lokali u anke tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-Qorti laqgħet it-talba tal-kumpanija u ordnat lill-Kontrollour tad-Dwana biex jiddustriġġi dawn iż-żraben fi żmien 90 ġurnata.