Stqarrija mill-FA Taljana kontra l-president ta’ Juventus

    L-FA Taljana ħarġet stqarrija uffiċjali għaliex Juventus u Andrea Agnelli ġew diferiti quddiem il-Kummissjoni Dixxiplinarja talli ltaqgħu mal-partitarji Ultras b'rabtiet ta' kriminalitá.   

    Il-president ta' Juventus, Agnelli, ipprotesta kontra dan id-diferiment u tenna li hu u l-kollaboraturi tiegħu huma innoċenti.

    Filwaqt li Agnelli ammetta li huw ltaqa' ma' diversi gruppi ta' partitarji ta' Juventus, insista li dawn kellhom rekord kriminali nadif matul dak iż-żmien u li ma kienx jaf li kellhom konnessjonijiet mal-Ndrangheta li hija kriminalitá organizzata f’Calabria.

    Il-prosekutur tal-FA Taljana sostna li fil-perjodu tal-istaġun 2011-12 sal 2015-16, Agnelli kien  jiltaqa' ma' diversi setturi ta' partitarji bl-intenzjoni li jżommu l-ordni pubblika fl-istadium u biex jevitaw multi u sanzjonijiet. Barra minn hekk huwa ma żammx lid-diretturi tal-club milli jiltaqgħu ma' gruppi ta' ultras li jinkludu membri ta' kriminalitá organizzata, fejn ġew awtorizzati l-bejgħ ta' biljetti lil dawn il-partitarji.  Dawn il-biljetti inbiegħu mingħajr preżentazzjoni ta' ID card u dan imur kontra s-sigurta' pubblika u dan kien jiffavorixxi l-bejgħ ta' biljetti b'mod illegali.

    Huwa allegat li Agnelli ħa sehem personalment f'laqgħa mal-kriminalitá organizzata u mal-ultras u ħallihom idaħħlu logħob tan-nar fil-logħba Juventus kontra Torino, fi Frar 2014, bil-għan li jikseb il-fiduċja tal-ultras.