Malta tipproduċi 5% tal-enerġija minn sorsi rinovabbli

    L-ammont ta' enerġija rinovabbli li ġġenerat Malta matul is-sena 2015 kien ta' 5%. Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-Eurostat dwar l-enerġija rinovabbli. 

    F'dak li għandu x'jaqsam ma' Malta l-istatistika turi li ġiet irreġistrata żieda sostanzjali mill-2004 'l hawn f'dak li għandu x'jaqsam ma' ġenerazzjoni ta' enerġija rinovabbl. 

    Infatti fis-sena 2004, il-persentaġġ ta' enerġija rinovabbli ġġenerata f'Malta kienet ta' 0.1%. Imbagħad fl-2012, il-persentaġġ telgħa għal 2.8%, filwaqt li fis-sena 2013, il-persentaġġ telgħa għal 3.7%. Il-persentaġġ reġgħa telgħa għal 4.7% fis-sena 2014 u għal 5% fis-sena 2015. Il-mira hija sas-sena 2020, il-persentaġġ ta' enerġija rinovabbli ġġenerata f'Malta tkun ta' 10% mill-ġenerazzjoni kollha. 

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali, il-persentaġġ ta' enerġija rinovabbli kienet tammonta għal 16.7% fis-sena 2015. Il-mira hija li sas-sena 2020, il-persentaġġ ta' enerġija rinovabbli ġġenerata madwar l-Unjoni Ewropea kollha tkun ta' 20%. 

    Il-pajjiż li kklassifika fl-ewwel post f'dak li għandu x'jaqsam ma' enerġija rinovabbli kien l-Isvezja. Infatti l-Isvezja tiġġenera 53.9% tal-enerġija kollha minn sorsi rinovabbli. Wara tikklassifika l-Finlandja b'39.3%, il-Latvja b'37.6%, l-Awstrija b'33% u d-Danimarka bi 30.8%.

    Malta hija kkonsidrata fost lanqas li tipproduċi enerġija rinovabbli, flimkien mal-Lusemburgu li wkoll jipproduċi 5% ta' enerġija li hija enerġija rinovabbli. Ftit qabel Malta u l-Lussemburgu jikklassifikaw l-Olanda b'5.8%, il-Belġju b'7.9% u r-Renju Unit bi 8.2%.