Etjopjan jirrakkonta kif qattgħu lejl fuq il-baħar wara li waqfitilhom id-dgħajsa

    Etjopjan irrakkonta kif waqt li hu flimkien mal-immigranti l-oħra kienu qed jaqsmu mil-Libja lejn l-Italja, ħin bla waqt, id-dgħajsa li kienu fuqha waqfet bir-riżultat li kellhom jagħmlu lejl sħiħ jitbandlu mal-mewġ tal-baħar sakemm ġew salvati. 

    Dan ħareġ mix-xhieda li ta Tahir Nurhusein, hekk kif illum quddiem l-Imħallef Edwina Grima kompla jinstema’ l-ġuri ta’ Hadish Abayu, Etjopjan ta’ 58 sena, li jinsab affaċċjat b’żewġ kapi ta’ akkuża, waħda tkun ta’ traffikar u t-tieni assoċjazzjoni għall-istess skop. L-immigranti daħlu Malta abbord dgħajsa fil-25 ta’ Settembru 2005. 

    Tahir irrakkonta li waqt il-vjaġġ, id-dgħajsa li kienu fuqha waqfet u qagħdet fl-istess post. Wara li qattgħu lejl sħiħ bejn sema u ilma, l-immigranti lemħu dgħajsa oħra li kienet fil-qrib u bdew jagħmlu sinjal biex jgħinuhom. 

    Qal li ftit sigħat wara ġie helikopter għalihom, u aktar tard filgħaxija hu flimkien mal-immigranti l-oħra niżlu Malta. Qal ukoll li qabel il-vjaġġ huwa kien ħallas lil Hadish $2,400, għalih u għal martu. 

    Wara li ntemmu x-xhieda min-naħa tad-Difiża, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Vincienne Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bdiet it-trattazzjoni tagħha.

    Il-ġuri mistenni jkompli llum. L-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jiddefendi lil Abayu.