Eleanor mietet kawża ta’ feriti gravi li kellha f’rasha

    Eleanor Mangion Walker, l-omm ta’ 33 sena li nstabet mejta f’maħżen fi Triq il-Kummerċ, fil-limiti ta’ Ħal Qormi f’Lulju li għadda, mietet kawża ta’ feriti ta’ naturi gravi li kellha f’rasha.  

    Dan ħareġ mix-xhieda li ngħatat minn esperti forensiċi fil-kumpilazzjoni kontra Kristyan Zekic, il-Kok Russu ta’ 33 sena li jinsab mixli li għen biex jinħeba l-katavru ta’ Eleanor u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ separat.

    Quddiem il-Maġistrat Ian Vella, Dr Marie Therese Camilleri u Dr Safrad Ali ippreżentaw ir-rapport tal-awtopsja li sar fuq il-katavru ta’ Eleanor. Dr Camilleri qalet li, “l-mara sofriet minn feriti ta’ natura gravi, l-iktar f’rasha. Kien hemm ksur tal-kranju u laċerazzjonijiet fil-moħħ.” 

    Fis-seduta tal-bieraħ, Andrew Mangion, li f’każ separat jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Eleanor, irrifjuta li jixhed fil-każ kontra Zekic. L-Ispettur Keith Arnaud informa lill-Qorti li l-Avukat ta’ Mangion kien jinsab Għawdex fuq xogħol u li ma setax ikun preżenti fl-Awla.

    Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud filwaqt li Zekic għandu jiddefendih lill-Avukat Giannella De Marco.