"Id-diplomazija għandha tkun strument ta' ħbiberija"

    F'diskors li għamlet fl-Università ta' Tufts f'Boston, il-President tar-Repubblika Marie Louise Coliero Preca qalet li d-diplomazija għandha tkun strument li permezz tagħha jinħoloq ambjent ta' ħbiberija u mhux biex jiġu sodisfatti l-ambizzjonijiet tal-ftit. 

    Il-President Coliero Preca qalet li d-diplomazija għandha tkun għodda ta' verità, sors ta' protezzjoni u fiduċja. “Id-diplomazija għandha tkun iggwidata b'tamiet sinċiera għal armonija u l-paċi sostenibbli, kemm fi ħdan kif ukoll bejn in-nazzjonijiet kollha” qalet il-President Coliero Preca.

    Il-President tar-Repubblika tkellmet ukoll dwar l-isfidi li qed taffaċċja d-dinja. “Bħala umanità ninsabu f'salib it-toroq. Dawn huma sfidi li ma jistgħux jiġu ndirizzati mill-istati waħedhom” żiedet tgħid il-President. 

    Il-Kap tal-Istat Malti uriet ukoll it-tħassib tagħha dwar id-diskors li qed jingħad minn ċertu politiċi dwar l-immigrazzjoni. Saħqet li r-retorika ta' dawn il-politiċi sfortunatament qed titfa l-ħtija fuq dawn il-gruppi vulnerabbli. Saħqet li tali mentalità diviżiva ma għandhiex tiġi aċċettata.