L-ebda każ ta’ influwenza H1N1 f’Mater Dei

    Kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat bi prominenza fil-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista, In-Nazzjon tal-bieraħ, il-Ministeru tas-Saħħa sostna li f’dawn l-aħħar tliet xhur ma kien hemm l-ebda każ ta’ influwenza H1N1 fl-Isptar Mater Dei.

    Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru ntqal li minn Ottubru sal-lum, fl-Isptar Mater Dei kien hemm 110 każi ta’ influwenza li ġew konfermati minn testijiet fil-laboratorju. F’kull każ instab li l-influwenza kienet tat-tip H3, u ma nstab l-ebda pazjent li kellu l-virus tal-influwenza H1 minn Ottubru sal-lum.

    “Il-fake news li ħarġet biha In-Nazzjon mhi xejn għajr allarm fil-vojt fejn mhux loku,” saħqet l-istqarrija. 

    Ġe spjegat li kif jiġri f’dan iż-żmien tas-sena, fl-Isptar Mater Dei hemm influss akbar ta’ pazjenti kawża tal-influwenza staġjonali, tal-kesħa u anka minħabba bidliet demografiċi. Madankollu, grazzi għall-isforzi kontinwi li jsiru mill-professjonisti kollha fil-qasam tas-Saħħa, inklużi l-konsulenti, it-tobba, l-infermiera, u l-ħaddiema kollha f’kull livell, is-sitwazzjoni hi taħt kontroll u l-ħinijiet ta’ stennija fl-Emerġenza xorta jikkumparaw favorevolment ħafna ma’ dawk ta’ snin ilu. 

    “Huwa proprju dan il-fatt li ma tistax taċċetta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li bil-ħidma ta’ Gvern Laburista, il-pazjent qed jingħata servizz aħjar mill-istess perjodu taħt amministrazzjoni Nazzjonalista,” qal il-Ministeru.

    Intant,  it-tilqima kontra l-influwenza għadha tinsab fiċ-ċentri tas-saħħa kollha mingħajr ħlas għall-poplu kollu, u jibqa’ l-parir tal-Ministeru li min għadu ma ħax din it-tilqima, jeħodha issa. S’issa diġà ħadu l-vaċċin aktar minn 70,000 ruħ, li hu record assolut.

    L-istqarrija temmet tgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha tkun aktar sensittiva mal-bżonnijiet tal-poplu Malti u tevita li toħloq allarm mhux veritier f’mument daqshekk delikat.