Jinqatel iċ-‘chief accountant’ tal-Istat Iżlamiku

    Commandos Amerikani qatlu lil Abu Anas al-Iraqi, wieħed mill-aktar nies importanti fil-ġerarkija tal-Istat Iżlamiku, f'operazzjoni fis-Sirja. Al-Iraqi kien deskritt bħala li kien il-persuna responsabbli mill-fergħa finanzjarja tal-Istat Iżlamiku.

    Il-qtil ta' al-Iraqi huwa l-aħħar wieħed mil-lista ta' terroristi li ġew newtralizzati taħt il-presidenza ta' Barack Obama, li nhar il-Ġimgħa li ġej se jkun qed jgħaddi l-poter lill-President elett Donald Trump.

    Al-Iraqi kien membru mill-kunsill tal-kmand tal-IS, u kien qed jaġixxi bħala ċ-‘chief accountant’ tal-grupp terroristiku.

    Il-mewt tiegħu diġà kienet tħabbret sentejn ilu minn sorsi mhux ikkonfermat, madankollu uffiċjali Amerikani saħqu kategorikament li nqatel f'din l-aħħar operazzjoni.

    Is-servizzi sigrieti u l-commandos kemm Amerikani u kif ukoll Brittaniċi qegħdin jikkoperaw flimkien biex joqtlu wkoll lil Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej tal-Istat Iżlamiku.