Aġġornat: F'erba' ġimgħat, il-poplu Malti se jkollu fi djaru elettriku ġenerat mill-gass

    10:45: It-tanker li fuqu għandu l-ewwel konsenja ta' LNG, jinsab dieħel fil-port ta' Marsaxlokk

    Aktar qabel: Waqt konferenza stampa fl-inħawi ta’ Delimara mill-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, il-Ministru Konrad Mizzi, huwa ħabbar li l-vapur bil-gass jinsab fl-ibħra territorjali Maltin, qrib il-port ta’ Marsaxlokk.

    Is-CEO ta’ Electrogas Franz Doefler li kien preżenti għal din il-konferenza, spjega li t-tanker li ser jidħol aktar tard illum, se jkun qed iġorr gass biex eventwalment jintuża fil-cooling system tal-impjant il-ġdid. Fi ftit ġimgħat oħra, ikun jista’ jidħol it-tanker li abbord ikollu l-gass jissuplixxi l-elettriku. 

    Il-Ministru Konrad Mizzi spjega li dan huwa mument storiku għal Malta. “Tlett snin ilu, il-Gvern ħareġ b’viżjoni biex Malta jkollha taħlita ta’ enerġija li tassigura li t-trariffi jorħsu u fl-istess waqt ikollna arja aktar nadifa” sostna il-Ministru Mizzi. Huwa żied jgħid, li permezz ta’ din il-qalba għall-gass, it-tniġġis fl-arja se jonqos drastikament u qed jgħati garanzija li fi ftit żmien, il-powerstation ta’ Delimara li taħdem bil-HFO tgħalaq kompletament ukoll. Aktar tard, il-pipeline se jkun qed jieħu post il-vapur li fuqu jkollu l-ħażna tal-gass. Il-Ministru Mizzi spjega ukoll li sa’ Lulju li ġej, għandha titlesta ir-rotta minn fejn se jgħaddi il-pipeline. 

    Intant, il-Kummissarju Ewropew Maroš Šef?ovi?, li kien ukoll preżenti waqt din il-konferenza, faħħar lil pajjiżna u lil dawk kollha involuti f’dan il-proġett għax grazzi għal dan l-istess proġett, Malta qed taħem biex ikollha tariffi orħos għall-konsumaturi u n-negozji waqt li fl-istess ħin tassigura enerġija aktar nadifa.

    Sefcovic ħabbar li aktar tard din il-ġimgħa għandu joħroġ rapport mill-Unjoni Ewropea dwar l-għajuna li l-Gvern Malti ta lill-istess kummissjoni biex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett.

    Dwar dan, il-Ministru Konrad Mizzi qal li fis-sentejn li għaddew, il-Gvern Malti kkollabora mal-Kummissjoni Ewropea billi pprovda l-informazzjoni neċessarja dwar il-proġett kollu. 

    Waqt din il-konferenza, tħabbar uffiċjalment li l-elettriku ġġenerat mill-gass se jkun qed jitwassal fid-djar tal-poplu Malti fi żmien erba’ ġimgħat.