Liġi biex jiġu mgħejjuna kumpaniji f’diffikulta

    Il-Parlament beda jiddiskuti liġi intiża biex tgħin kumpaniji li jsibu ruħhom f’diffikultajiet u jkunu fil-periklu li jfallu.

    Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sostna li l-iskop tal-liġi huwa biex tgħin lil dawk f’diffikulta biex ikunu kapaċi jirristrutturaw.

    Huwa qal li liġi bħal din tinsab f’pajjiżi Ewropej u r-rata ta’ kumpaniji li rnexxielhom jirkupraw hija ta’ 83% kuntrarjament għal pajjiżi fejn m’hemmx liġi simili fejn jirnexxielhom jirkupraw biss 57% tan-negozji.

    Ix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni kienet taqbel mal-liġi u rrimarka li fil-pajjiż iktar nitkellmu dwar negozji ġodda milli dawk eżistenti.

    Fl-istess waqt huwa ssuġġerixxa li jkun hemm pakkett sħiħ ta’ skemi u inċentivi biex jgħin lil kumpaniji jew investituri li jkunu lesti jidħlu għal negozji li jkunu sejrin ħażin.

    Grech issuġġerixxa wkoll li minbarra għajnuna finanzjarja jkun hemm ukoll għajnuna mentali lin-negozjanti għax ikun hemm min saħansitra jagħmel suwiċidju għax ma jkunx sejjer tajjeb.