“Irriżenjaw, inkella noqtolkom”

    Il-President tal-Filippini Rodrigo Duterte wissa lis-sindki kollha tal-pajjiż li għadhom fil-lista tas-suspettati fit-traffikar tad-droga li għandhom żewġ għażliet quddiemhom… jew jieqfu jittraffikaw id-droga jew inkella se jinqatlu.

    Waqt ċerimonja li saret ilbieraħ, Duterte li għandu 71 sena, qal li s-sindki korrotti għandhom jirriżenjaw u jnaddfu l-passat kriminali tagħhom jew inkella “se noqtolkom realment”.

    “Se nkun qed nitkellem mas-sindki. Se ngħidilhom ‘Tajtkom lista ħoxna. Ara jekk ismek huwiex f'dik il-lista sindku.’”

    “Jekk ismek jinsab f'dik il-lista, allura għandek problemi kbar, għax se noqtlok.”

    Huwa kompla jgħid li dawk is-sindki li huma mdaħħlin fit-traffikar tad-droga għandhom ikunu lesti biex titneħħielhom kull sigurtà u kull forma ta' poter.

    “L-ewwel ħaġa li nagħmel huwa li nneħħilhom kull poter superviżorju fuq il-pulizija. It-tieni ħaġa li nagħmel huwa li nneħħilhom kull forma ta' protezzjoni li jgawdu minnha.”

    Mhux l-ewwel darba li Duterte tkellem dwar is-suspett tiegħu li s-sindki qegħdin jagħmlu użu mill-poter tagħhom biex jaċċertaw li mexxejja politiċi ma jintervjenux fit-traffikar tad-droga fl-ibliet u l-irħula tagħhom.

    Duterte kien elett aktar kmieni s-sena li għaddiet wara li wiegħed li se juża id tal-ħadid fil-konfront tal-kriminali fil-Filippini. Fil-ġlieda kontra l-kriminalità s'issa diġà nqatlu 5,300 persuna.