Malta tingħaqad mas-sistema tal-Ambert Alert

    Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela illum ħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jingħaqdu mas-sistema tal-Amber Alert, li tgħin meta tfal jiġu rrapportati nieqsa. 

    Sa issa l-Amber Alert System hija attiva f'16-il pajjiż. Minn dawn hemm erba minnhom membri tal-Unjoni Ewropa, li huma l-Olanda, is-Slovakkja, il-Lussemburgu u issa anke Malta. 

    Kien proprju lbieraħ li meta fid-Depot tal-Floriana sar l-iffirmar bejn il-Gvern Malti, il-Pulizija Maltija u Amber Alert li kienet irrapreżentata mill-Kap Eżekuttiv tagħha Frank Hoen. 

    Din is-sistema taħdem billi tavża lill-pubbliku malajr kemm jista jkun dwar it-tfal li ġew neqsin, billi tagħmel użu mill-midja, it-televiżjoni, it-trasport pubbliku, il-midja soċjal u l-mezzi tal-Ajurport fost l-oħrajn.  

    Fi kliem il-Ministru Abela ta' kull sena, madwar l-Ewropa kollha jiġu rrapportati xejn inqas minn 250,000 tifel u tifla nieqsa. Tenna li ħafna drabi dawn it-tfal jispiċċaw f'sitwazzjonijiet prekarji. Infatti r-riċerka turi li xejn inqas minn 76% tal-każijiet it-tfal jiġu maqtula f'anqas mninn tliet siegħat minn meta jiġu maħtufa. 

    Tenna li għalhekk huwa importanti li ttieħed azzjoni mmedjata ħalli dawn il-każijiet ma jseħħux. Qal li f'Malta r-reat ta' ħtif ta' tfal mhuwiex ta' tħassib, madankollu tenna li l-Pulizija xorta waħda trid taħdem bl-aħjar mezzi possibbli ħalli tkun ippreparata għal dawn il-każijiet.

    Tenna li għalhekk huwa importanti li s-sistema ta' Amber Alert tiġi tintrodotta biex issaħħaħ il-mekkaniżmi li permezz tagħhom taħdem il-Pulizija Maltija. “Għalhekk din huwa pass ieħor f'idejn il-Pulizija Maltija, flimkien mal-Interpol u x-Schengen” qal il-Ministru Carmelo Abela. 

    Il-Ministru żied jgħid li din is-sistema mhux biss se taħdem meta jseħħ reat, iżda biex tipprevjeni li ma jseħħux reati ġodda. Dan billi se jsiru għadd ta' laqgħat ta' preparazzjoin ma' ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal, dwar x'għandhom jagħmlu meta t-tfal jiġu neqsin. Infatti diġà saret kampanja ta' informazzjoni matul is-Sajf li għadda. Se jsiru kampaniji ta' informazzjoni matul din is-sena u fis-snin li ġejjin.

    Min-naħa tiegħu, il-Ministru Abela tenna li huwa kommess li jieħu inizjattivi immirati għal benesseri tat-tfal u l-interessi tagħhom. Saħaq li dan se jkun rifless fil-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, fejn se jsir xogħol dwar żvilupp biex tiġi indirizzata din il-problema. 

    Il-Ministru temm l-indirizz tiegħu billi faħħar l-inizzjattiva tal-Membri Parlamentari Ewropej Miriam Dalli u Roberta Metsola, li flimkien ma' 17-il leġiżlatur ieħor fl-Unjoni Ewropea, ħadu l-inizjattiva biex jagħmlu dikjarazzjoni fil-Parlament Ewropew biex jipproteġu tfal li jiġu nieqsa, billi jtejbu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri. 

    Intervent ieħor sar minn l-Ispettur Dennis Theuma li jmexxi l-Vice Squad fi ħdan il-Pulizija Maltija, li tenna li dan huwa pass ieħor importanti biex il-ħdima tal-Pulizija f'dan ir-rigward tkompli titjieb.