Tlestiet id-dar mill-Għawdxin lil ħames iltima li raw lil missierhom iħanxar ras ommhom

    Id-dar ċkejkna li grupp ta' voluntieri Għawdxin kienu qed jibnu fil-Gwatemala tlestiet. Din id-dar kienet għal ħamest itfal żgħar li ħabta u sabta spiċċaw bla omm. Din inqatlet quddiemhom minn missierhom li mbagħad spiċċa ħarab. Id-dar tbierket mill-missjunarji Għawdi Dun Anton Grech. 

    Dan il-każ seħħ fil-parroċċa li jmexxi Dun Anton Grech fil-Gwatemala. Każ li seħħ f'nofs Ottubru iżda  Dun Anton flimkien ma' voluntiera Għawdxin bdew ħidma biex dawn it-tfal li għaddew minn trawma kbira, jkollha dar sigura fejn jgħixu u allinqas itaffulhom ftit mit-tbatija li kienu qed jgħixu fiha.

    Tkellimna ma' Mark wieħed mill-voluntiera li mar il-Gwatemala u hemmhekk hu u voluntiera oħra ħadmu biex lil dawn it-tfal orfni jibnulhom dar. Il-ħidma ma kinitx faċli għax ix-xogħol kien jinvolvi tħaffir sostanzjali.

    Mark jgħidilna li "kien fis-17 ta' Ottubru meta l-omm inqatlet mir-raġel tagħha stess. Ir-raġel qatalgħha rasha quddiem uliedha u t-tifla l-kbira intlaqtet ukoll mis-sikkina. Ir-raġel ħarab u sa llum għadu ma nqabadx. Ħafna drabi iċempel lil uliedu jgħidilhom li lil ommhom qatilha ħtija tagħhom. It-tfal sofrew ħafna psikoloġikament. Il-parroċċa ta' Dun Anton f'Izabal bl-għajnuna tal-parroċċa tal-Katidral ta' Għawdex, daħlu għal inizjattiva billi tinbena dar żgħira għal dawn it-tfal li llum qed jgħixu maz-zija li hi single mother b'2 itfal. Fejn kienu joqogħdu huma qabel kien post mikri. Fl-istess ħin il-parroċċa qed tgħin biex dawn it-tfal jingħatawlhom għajununa psikoloġika għal perjodu ta' żmien."