Jinqabdu minn kameras tas-sigurtà jisirqu arloġġ minn ħanut

    Żewġt’irġiel mir-Rumanija kienu kkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettew li serqu arloġġ minn ħanut tal-ġojjellerija f’Bay Street, San Ġiljan. 

    Mircea Copalea ta’ 33 sena u Marcel Muntianu ta’ 18-il sena tressqu quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale fuq akkużi relatati ma’ serq. 

    Iż-żewġt’irġiel kienu arrestati wara li nqabdu fuq il-kameras tas-sigurtà jisirqu arloġġ minn ġojjellerija f’Bay Street. Sid il-ħanut Anton Ciantar, li għaddha dan il-filmat lill-mezzi tax-xandir, qal li s-serqa seħħet nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tas-1.p.m. Huwa qal li l-irġiel kienu jitkellmu bit-Taljan. 

    Fil-Qorti, Copalea u Muntianu ammettew għall-akkużi li nġiebu fil-konfront tagħhom. 

    L-Ispettur Trevor Micallef informa lill-Qorti li l-arloġġ misruq kien irritornat lura lis-sid oriġinali tiegħu. Kien is-Surġent Glenn Sammut li investiga din is-serqa u li identifika lir-Rumeni. Sussegwentement huma ġew arrestati f’Paceville. 

    Fil-Qorti, Copalea u Muntianu talbu skuża għal dak li għamlu u qalu li kellhom l-intenzjoni li jitilqu mill-pajjiż mal-ewwel okkażjoni li jkollhom. Huma ġew ikkundannati kull wieħed sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. 

    L-Avukat Benjamin Valencia deher għall-irġiel.