22 xahar talli seraq sitt mowbajls

    Catalin Gabriel Cirligeanu intbagħat 22 xahar ħabs wara li ammetta li seraq sitt mobiles mill-istess stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.

    Huwa ammetta li fis-6 ta’ Awwissu 2016, għall-ħabta tat-2.45 a.m. fl-istabbiliment Havana Club f’San Ġiljan, seraq ħames mowbajls tal-għamla 5S, Samsung, Huawei, Iphone u Iphone S. 

    Cirligeanu ammetta wkoll li fid-29 ta’ Ġunju, għall-ħabta tas-1.30 a.m. mill-istess stabbiliment seraq mowbajl tal-għamla Plus One, u li sar reċediv. 

    Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, ikkunsidrat n-natura tar-reati u l-oġġetti misruqa kif ukoll ir-rekord kriminali tiegħu, li fil-passat kien instab ħati ta’ każ wieħed biss. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabitu ħati tal-imputazzjonijiet li nġiebu kontrih u kien ikkundannat 22 xahar priġunerija. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana.