Ikompli jinstema’ l-ġuri dwar il-wasla ta’ 181 immigrant … L-intenzjoni kienet li l-immigranti jmorru lejn l-Italja

    Quddiem l-Imħallef Edwina Grima dalgħodu kompla jinstema l-ġuri ta’ Etjopjan ta’ 58 sena b’rabta mal-wasla f’Malta ta’ 181 immigrant fl-2005. Mix-xhieda ta’ wħud mill-immigranti li nqrat fil-Qorti, ħareġ li allegatament dawn kienu jħallsu lill-akkużat somma ta’ flus, bl-intenzjoni tkun li jmorru lejn l-Italja.
    F’dan il-ġuri, Hadish Abayu, jinsab affaċċjat b’żewġ kapi ta’ akkużi bl-ewwel waħda tkun ta’ traffikar u t-tieni assoċjazzjoni għall-istess skop. L-immigranti, fosthom hu stess, daħlu Malta abbord dgħajsa fil-25 ta’ Settembru 2005.
    Fil-bidu tas-seduta nqrat ix-xhieda tal-Eritrean Mabrahatom Brahi Tahle, li spjega kif huwa kien ħallas lill-akkużat is-somma ta’ $700 u ħallas $300 lil persuna oħra li kienet taħdem miegħu, bl-intenzjoni tkun li jintbagħat lejn l-Italja abbord dgħajsa.
    Huwa spjega li fuq id-dgħajsa kien hemm madwar 180 persuna u li l-akkużat kien qed jiġbor il-flus mingħand numru ta’ persuni. Sostna li, “ltqajt l-ewwel darba mal-akkużat meta kont il-Libja. Qalli biex inħallsu u wara nkun nista’ nitlaq. L-intenzjoni tiegħi kienet li mmur lejn l-Italja u lil Hadish ħallastu bi flus kontanti.”
    Tahle żied jgħid ukoll li kien hemm persuni oħrajn li allegatament organizzaw dan il-vjaġġ, li kienu ta’ nazzjonalità Libjana.
    Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri qed titmexxa mill-Avukat Vincienne Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mentri l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jiddefendi lil Abayu.