Busuttil jirreaġixxi għad-dikjarazzjonijiet ta' Salvu Mallia dwar l-abort u l-ewtanasja wara li ġibdet l-attenzjoni l-Gift of Life

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għażel li jirreaġixxi għad-dikjarazzjonijiet li għamel Salvu Mallia dwar l-awtenasja u l-abort, biss wara li l-għaqda Gift of Life ġibdet l-attenzjoni dwar dawn id-dikjarazzjonijiet. 

    F'intervista li xxandret nhar il-Ħadd li għadda, il-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia tkellem dwar diversi affarijiet, fosthom in-nuqqas ta' qbil mal-Partit Nazzjonalista għaliex huwa Partit konservattiv.

    Fl-intervista Mallia ddikjara li kwistjonijiet bħal l-abort, l-ewtenasja u ż-żwieġ bejn persuni omosewwali ma għandhomx ikunu regolati mil-Gvern. Tenna li f'dan l-ambitu, il-Gvern għandu jipprovdi edukazzjoni tajba biex in-nies jagħżlu għalihom infushom. 

    Dwar dan tkellmet l-għaqda Gift of Life li qalet li meta wieħed joqtol it-trabi f'isem l-għażla personali huwa naċċettabbli. Il-Gift of Life qalet li l-istess jista meta xi ħadd itemm il-ħajja tal-anzjani jew ta' dawk morda. 

    L-Għaqda Gift of Life iddikjarat li għandna Oppożizzjoni li trawwmen estremisti biex tikseb il-vot liberali, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jagħżel li jibqa sieket. “Dan qisu qed ngħidu li toqtol it-trabi saret qisu qed tagħżel it-togħma tal-ġelat li se tixtri” qalet il-Gift of Life. 

    B'rabta ma' dan irreaġixxa wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella li qal li filwaqt li jirrispetta l-veduti ta' kulħadd, mhux kulħadd huwa kkwalifikat biex jitkellem dwar l-abort u l-ewtenasja. Għal dan l-għaqda Gift of Life sostniet li wieħed kien jistenna li Simon Busuttil se jgħid dak li qal il-Ministru Vella.

    Kien wara dan li l-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li joħroġ stqarrija fejn sostna li fiha ddikjara li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex se jilleġiżla favur l-abort jew l-ewtenasja. Madankollu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li huwa ta' ġid li l-Partit Nazzjonalista jkollu fi ħdanu nies li għandhom ideat differenti. Tenna li mhux l-istess jista jingħad għal Prim Ministru li ċertament jikkonsidra li jintroduċi l-abort jew l-ewtenasja jew it-tnejn, jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja.

    Intant, fl-intervista Mallia qal li meta kien ikkuntattjat mill-Partit Nazzjonalista huwa għamel diversi kundizzjonijiet. Mallia żied jgħid li mhux biss hemm qbil dwar dawn il-kundizzjonijiet, iżda huwa qal li jħalli l-Partit Nazzjonalista kemm-il darba jiġi msikket.