Daqshekk milì ta' snien: Xjentisti jiskopru mediċina li “tfejjaq” lis-sinna

    Milì ta' snien tradizzjonali jistgħu jsiru xi ħaġa tal-passat wara li mediċina li ġiet żviluppata biex tiġi użata f'każi ta' pazjenti bl-Alzheimer's instab li għandha effetti mill-aktar pożittivi fuq is-snien. Dan hekk kif instab li permezz ta' din il-mediċina s-snien jerġgħu jikbru mill-ġdid.

    Xjentisti sabu li s-sinna, permezz ta' din il-mediċina, tfejjaq lilha nnifisha u timla dak il-vojt li fil-preżent iġegħelna mmorru għand id-dentist biex jimlihielna.

    Milì tas-snien normali jaf ikollhom riperkussjonijiet fuq il-pazjent, hekk kif mhux l-ewwel darba li l-milì jkun irid jerġa' jinbidel, b'riskju ta' żieda ta' infezzjonijiet. U meta sinna timtela għal aktar minn darba, mhux l-ewwel darba li din tkun trid tinqala' għal kollox.

    Madankollu dan kollu issa jista' jinbidel hekk kif riċerkaturi mill-King's College London skoprew li l-mediċina “Tideglusib” tista' tistimula dak magħruf bħala ‘dentine’, is-saff taħt il-wiċċ iebes tas-sinna.

    Tideglusib kienet maħsuba biex tgħin lill-moħħ jerġa' jistimula u jqajjem mill-ġdid ċelloli tal-moħħ f'pazjenti bl-Alzheimer's, madankollu s'issa testijiet mediċi ma wrew l-ebda benefiċċji minn dan il-lat. Kien għalhekk li r-riċerkaturi kienu interessati jekk din il-mediċina jkollhiex riperkussjonijiet pożittivi fuq is-snien.

    U testijiet li saru fuq il-ġrieden jindikaw li s'issa dan kien suċċess, bix-xjentisti jemmnu li din tista' tibda tintuża fuq il-bniedem fi żmien bejn tlieta u ħames snin.