Partizan igergru fuq Malta

    L-avventura ta’ Partizan f’Malta, tidher li xejn ma kienet waħda pożittiva. It-tim Serb qatta' xi ġranet Malta hekk kif aktar tard illum se jilagħbu kontra t-tim Belti.

    Permezz tas-sit elettroniku tal-klabb, www.partizan.rs, huma ppubblikaw żewġ artikli li fihom taw rendikont ta’ dak li l-iskwadra tat-tim sabet ma’ wiċċha f’Malta.

    L-ewwel artiklu kellu t-titlu ‘Not the Best of Welcomes’, u fih ilmentaw mit-trattament li ngħataw fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Dan ir-rapport saħaq li mal-wasla tal-iskwadra f’Malta, huma kellhom jagħmlu 35 minuta fl-ajruplan minħabba li ma ngħatawx l-assistenza biex jinżlu minnu.

    Fl-istess waqt, fil-bini tal-ajruport, uffiċjal tal-istess ajruport infurmathom li kull membru tal-iskwadra Serba kellu jimla’ formola speċifika.Dan wassal biex is-sessjoni ta’ taħriġ ta’ Partizan kellha titmexxa siegħa lura.

    It-tieni rapport kellu kritika qawwija lejn l-istat tal-Hibernians Stadium. Filwaqt li kkritika l-ambjent fejn jinsab l-istadium kif ukoll l-istat tad-dressing rooms, l-awtur ta’ dan ir-rapport staqsa kif il-UEFA approvat li fil-Hibernians Stadium jintlagħbu logħob ta’ kompetizzjoni Ewropea.

    Dan ir-rapport iddeskriva l-Hibernians Stadium bħala l-post ideali għal film ta’ Vittorio de Sica!