Aġġornat: Tfajla ta' 17-il sena tmut f'inċident tat-traffiku

    Tara Licari, tfajla ta' 17-il sena li kienet qed tgħix id-Danimarka, mietet kmieni filgħodu wara li l-vettura li kienet riekba fiha misjuqa minn ħuha, kienet involuta f'inċident tat-traffiku fil-Kappara.

    L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.00 a.m. fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jirriżulta li vettura tat-tip Toyota Vitz kienet qed tinstaq minn San Ġiljan lejn Tas-Sliema meta s-sewwieq – ġuvni ta’ 23 sena minn Ħal Balzan - tilef il-kontroll tagħha u ħabat, l-ewwel aktarx ma’ ħajt u mbagħad ma’ vettura oħra.

    Passiġġieri fil-vettura kien hemm żewġ persuni oħra, il-vittma - li tiġi oħt is-sewwieq u ġuvni Daniż ta’ 18-il sena, li ġie hawn għal btala magħha.

    Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, it-tfajla sofriet ġrieħi serji u tilfet ħajjitha fuq il-post, filwaqt li ż-żewġ ġuvintur ittieħdu l-Isptar sabiex jingħataw il-kura medika. Aktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li l-ġuvni Daniż sofra ġrieħi ta’ natura ġravi, filwaqt li s-sewwieq ma’ sofra ebda ġrieħi.

    Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

    L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.