€1,080 miġbura fil-bikeride b'solidarjetà mas-Surġent Frankie Sciberras

    Minkejja li l-bieraħ kien riħ qawwi, dan ma qatax qalb l-organizzaturi u l-parteċipanti tal-muturi li jattendu għall-bikeride sabiex jinġabru donazzjonijiet b’solidarjetà ma’ PS853 Frankie Sciberras. F’din il-bikeride ma ħadux sehem biss Pulizija, iżda attendew diversi bikers li xtaqu jagħtu d-donazzjoni tagħhom għal din il-kawża. F’temp ta’ siegħa nġabret is-somma sabiħa €1,080 u t-total miġbura s’issa kien €17,240.

    Din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi favur is-Surġent Frankie bdiet wara li fl-24 ta’ Ġunju li għadda l-Qorti tal-Appell (ċivili) ikkundanatu jħallas is-somma ta’ €23,626 li bl-imgħaxijiet u l-ispejjez jilħqu t-total ta’ €32,900 minkejja li kien aġixxa skont il-liġi f’każ li jmur lura fl-1995.

    Fost dawk li attendew għal din il-bikeride kien hemm il-President u l-Viċi President tal-POU GWU, l-Ispettur Sandro Camilleri u s-Surġent Theo Vella, li huma stess huma dilettanti tal-muturi.

    Il-POU GWU kienet mill-bidu nett attiva f’din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi u qed tappella lill-awtoritajiet sabiex mhux biss jagħtu l-appoġġ lis-Surġent Frankie, iżda wkoll li tiġi analizzata din is-sentenza tal-Qorti tal-Appell u tiġi emendata l-liġi biex qatt aktar ma terġa' tirrepeti ruħha din is-sitwazzjoni. L-unjin qed tisħaq li m’għandu qatt jiġi kkundannat Pulizija ċivilment meta jkun aġixxa b’mod leġittimu għax dan jista’ jwassal biex il-membri tal-Korp jonqsu milli jagħmlu d-doveri tagħhom.

    Ir-ride telqet mill-Furjana fit-8.00pm u għall-ħabta tad-9.15pm il-muturi waslu fil-kumpless tal-Pulizija f’Ta’ Kandja fis-Siġġiewi. Hawnhekk l-amministrazzjoni tal-Korp ħadet ħsieb li jkun hemm xi xorb u xi ikel għall-parteċipanti kollha.

    Fil-ġimgħat li ġejjin ser jittellgħu aktar attivitajiet ta’ ġbir ta’ fond b’solidarjetà mas-Surġent Frankie, liema attivitajiet ser jiġu mħabbra aktar ‘il quddiem.

    Ara aktar ritratti tal-bikeride tal-bieraħ hawn isfel (meħudin minn Andrea Sacco Baldacchino).