Id-dettalji kollha kkonfermati s'issa tal-Massakru tal-Bastilja

    20:20: Id-dettalji li ġew ikkonfermati s'issa tal-Massakru tal-Bastilja:

    - trakk saq fuq il-folla waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Bastilja fil-belt fin-Nofsinhar ta' Franza, Nice

    - mill-inqas 84 persuna mietu, fosthom għaxart itfal

    - 202 indarbu, 52 għadhom f'kundizzjoni kritika, 25 jinsabu taħt kura intensiva

    - is-sewwieq tat-trakk inqatel wara li sparaw fuqu l-pulizija

    Is-suspettat ġie identifikat bħala Mohamed Lahouaiej Bouhlel, li f'Marzu ngħata sentenza ta' sitt xhur sospiżi u kellu jikkuntattja l-għassa darba fil-ġimgħa, xi ħaġa li għamel. Dan wara li kellu argument ma' sewwieq ieħor u tefa' njama lejh.

    Kien jgħix separat minn ma' martu u kellu tlett itfal.

    Bouhlel saq it-trakk għal żewġ kilometri sħaħ mill-Promenade des Anglais, li kien iffollat bin-nies, fil-11.00 p.m. Huwa nqatel b'tiri mill-Pulizija Franċiża wara li serrep fuq in-nies u beda jispara fuq il-pulizija. 

    NOTA: Fuq l-internet feġġew filmati b'xeni makabri: iġsma ta' persuni li tilfu kull forma; dmija ma' kullimkien; qraba u ħbieb ixxokkjati bilqiegħda mal-art ħdejn il-maħbubin tagħhom... mejtin; twerżiq u biki ta' disprazzjoni. Aħna għażilna li, b'rispett lejn il-vittmi u l-għeżież tagħhom, dawn il-filmati ma nxandruhomx.

    --

    07:04: Il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima s-solidarjetà tiegħu, tal-Gvern u tal-poplu Malti direttament lill-Gvern Franċiż wara l-attakk tal-bieraħ filgħaxija f’Nizza.

    Il-Prim Ministru għamel dan waqt is-Summit bejn l-Ewropa u l-Asja, magħruf bħala ASEM, fil-Mongolja, fejn għaliha hemm preżenti anki Franza.

    Dr Muscat qal li l-valuri tal-libertà, ugwaljanza u fraternità li l-vittmi kienu qed jiċċelebraw meta nqatlu, għandhom jispirawna aktar minn qatt qabel.

    Filwaqt li esprima d-dwejjaq tiegħu għal fatt li jidher li ħafna mill-vittmi kienu familji, fosthom tfal, il-Prim Ministru qal dawn l-atti fuq persuni innoċenti huma insensati u kundanabbli.

    Aktar qabel: Mill-inqas 84 persuna nqatlu u għexieren oħrajn indarbu wara li trakk għaddej b'veloċità kbira saq fuq il-folla waqt ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Bastilja fil-belt ta' Nice, fi Franza. Is-suspetti huma li dan kien attakk terroristiku.

    Il-jum nazzjonali ta' Franza ħa xejra vjolenti wara li trakk saq fuq in-nies "għal żewġ kilometri sħaħ" waqt iċ-ċelebrazzjonijiet f'Nice, fin-Nofsinhar ta' Franza. 

    Il-Ministeru tal-Intern ikkonferma li s-sewwieq tat-trakk inqatel. Il-prosekutur ta' Nice qal li t-trakk saq għal żewġ kilometri sħaħ fuq il-folla. Fil-ħin "tal-attakk" in-nies kienu miġburin jaraw il-ġigġifogu.

    Ritratti u filmati xokkanti ta' eluf ta' persuni jaħarbu minn fuq il-post, u nisa u rġiel mitluqin mal-art qrib il-Promenade des Anglais bdew iduru l-internet ftit minuti wara li seħħ l-attakk.

    Ġurnalist mill-gazzetta Nice Matin qal li kien hemm ħafna dmija u mingħajr dubju, ħafna mejtin u midrubin.

    Franza ilha li ddikjarat li tinsab fi Stat ta' Emerġenza Nazzjonali mindu seħħu l-attakki terroristiċi f'Pariġi f'Novembru 2015, li fihom inqatlu 150 persuna.

    S'issa ħadd għadu ma ħa r-responsabbiltà ta' dan l-attakk.

     

    Filmat taħt: It-trakk isuq fuq il-folla mwerwra.