S'issa ma jidhirx li kien hemm Maltin fost il-vittmi tal-ħabta fl-Italja

    L-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Taljani u kkonfermat li s’issa ma jidhirx li hemm Maltin fost il-vittmi jew midruba fl-inċident li seħħ ilbieraħ fl-Italja.

    Mill-inqas 20 persuna tilfu ħajjithom u numru ieħor weġġgħu wara li lbieraħ żewġ ferroviji ħabtu fin-naħa t’isfel tal-Italja.

    Il-ħabta seħħet fuq binarju wieħed li jgħaddi minn nofs medda art bis-siġar taż-żebbuġ bejn il-bliet ta’ Corato u Andria fil-Puglia. Iż-żewġ ferroviji kienu jikkonsistu f’erba’ vaguni.

    Il-Maltin li jixtiequ aktar informazzjoni dwar dan l-inċident jistgħu jikkuntattjaw l-Ambaxxata fuq in-numru tal-emerġenza +39 348 241 2437 għal aktar assistenza.