UCL - Illum Valletta kontra Red Star Belgrade

    Illum Valletta jkunu mpenjati f’partita diffiċli kontra t-team mis-Serbja, Red Star Belgrade, valida mill-ewwel leg tat-tieni round preliminari tal-UEFA Champions League, fil-Hibernians Stadium, f’Kordin, liema logħba tibda fis-7.00 p.m.

    Proprju rigward dan il-konfront, tkellem  waqt konferenza stampa l-coach ta’ Valletta, Paul Zammit li qal li dan se jkun wieħed diffiċli għall-Beltin, hekk kif huma se jkunu qed jaffrontaw wieħed mill-ġganti fl-isfera tal-football Ewropew.

    Madankollu, huwa sostna li jemmen ħafna fil-players tiegħu u jemmen ukoll li l-Beltin kemm il-lum kif ukoll matul il-ġimgħa li ġejja, kapaċi jiksbu riżultat pożittiv.

    Mistoqsi dwar l-atmosfera bħalissa fil-kamp Belti, speċjalment wara t-telfa ta’ 2-1 kontra B36 Torshavn tal-Gżejjer Faroe, huwa qal li l-atmosfera fid-dressing-room ta’ Valletta hija waħda mill-aqwa.

    Dan għalkemm il-Beltin ħarġu telliefa fit-tieni leg tal-ewwel round preliminari kontra dan it-team matul il-ġimgħa li għaddiet, fejn huwa tenna li għalkemm jemmen li l-Beltin kienu superjuri, huma affrontaw bosta affarijiet li m’għenuhomx għall-preparazzjoni ta’ din il-logħba ... fosthom vjaġġ twil ħafna biex jaslu f’dan il-pajjiż ferm imbiegħed minna.

    Proprju l-bieraħ, Valletta  ingaġġaw goalkeeper mil-Litwanja bl-isem ta’ Dziugas Bartkus li għandu 27 sena. Paul Zammit ġie mistoqsi jekk dan l-istess goalkeeper hux se jkun qed jilgħab il-lum jew anki matul il-ġimgħa d-dieħla kontra ċ-champions tas-Serbja.

    Huwa wieġeb li sa issa dan l-akkwist ġdid għadu mhux eliġibbli biex jagħmel dan minħabba li Valletta għadhom qed jistennew xi karti marbuta mal-international clearance u formalitajiet oħra, iżda jekk kollox jimxi skond kif mixtieq, dan il-goalkeeper jista’ jiddefendi l-lasti Beltin fiż-żewġ legs.

    Il-coach taċ-champions Valletta kompla li huma kienu ngaġġaw lil dan il-goalkeeper minħabba li Nicky Vella weġġa’ f’logħba ta’ ħbiberija kontra Birkirkara li ntlagħbet ftit tal-ġimgħat ilu, fejn l-istess goalkeeper Belti se jkollu jagħmel l-operazzjoni delikata fil-ligamenti tal-cruciate.

    Paul Zammit qal li l-Beltin kienu għamlu minn kollox biex jakkwistaw goalkeeper mis-suq lokali, iżda din kienet xi ħaġa ferm diffiċli għalihom, u għalhekk kellhom jirrikorru għal goalkeeper barrani.

    Fl-aħħarnett, il-coach ta’ Valletta ħeġġeġ lill-partitarji kol­lha Beltin biex il-lum jitilgħu bi ħġarhom u jagħtu s-sapport massimu tagħhom.