Sparar - Deheb għal Nathan Lee Xuereb fil-Kampjonat Ewropew

    It-tiratur Malti, Nathan Lee Xuereb,  rebaħ il-midalja tad-deheb fil-kategorija tal-Juniors tad-Double Trap waqt il-Kampjonat Ewropew li sar f’Lonato, l-Italja.   

    Xuereb spiċċa fl-ewwel post fis-semi-finali meta laqat 29 minn 30 plattina.  B’hekk huwa għadda għall-finali għar-rebħ tal-ewwel u t-tieni post kontra it-tiratur Taljan Jacopo Dupre de Foresta.  

    Nathan Lee Xuereb kien fi klassi għalih hekk kif laqat 28 plattina minn 30 fil-finali filwaqt li t-tiratur Taljan laqat 24, biex hekk it-tiratur Malti ħareg rebbieħ.

    Dan huwa unur ieħor fil-kullana ta’ suċċessi għal dan it-tiratur żagħżugħ kif ukoll għal dan l-isport.  

    Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, awgura lil Xuereb għal dan is-suċċess.