Sewwieq ta' mutur imut wara li ħabat ma' ħajt

    Nick Azzopardi ta’ 27 sena minn Raħal Ġdid illejla tilef ħajtu wara li kien involut f'inċident tat-traffiku fi Triq Reġjonali, direzzjoni lejn San Ġiljan, għall-ħabta tad-disgħa u nofs.

    Minn investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Imsida, jidher li għal xi raġuni l-ġuvni, li kien qed isuq mutur tat-tip Honda CB, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo ħajt. Passiġġiera fuq l-istess mutur kien hemm tfajla ta’ 24 sena mir-Rabat.

    Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iżjed tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi iżda mhix fil-periklu li titlef ħajjitha.

    Sfortunatament is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

    Bil-każ ġie infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr Anthony Vella LLD li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

    It-triq għal xi ħin kienet magħluqa għat-traffiku filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.