Fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena... 60% aktar imwiet ta' immigranti fil-Mediterran

    Hekk kif kompliet il-mewġa ta' vjaġġi ta' immigranti mill-Afrika ta' Fuq lejn l-Ewropa, qed jirriżulta li bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Ġunju l-imwiet ta' immigranti fil-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa telgħu għal xejn inqas minn 2,920 persuna. Dan ifisser kważi 60 fil-mija aktar mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

    Ta' min jgħid li fl-aħħar salvataġġ, omm mill-Kamerun welldet fuq bastiment navali Ġermaniż. F'rapport dettaljat li nħareġ mill-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) intqal li minn Jannar sas-6 ta' Lulju kien hemm xejn inqas minn 230,885 immigrant li waslu fl-Ewropa bil-baħar. Waqt li l-imwiet ta' immigranti kienu ta' 2,920 persuna, fl-istess perjodu s-sena li għaddiet kienu mietu 1,838 persuna.

    Mill-ġbir ta' informazzjoni rriżulta li l-akbar ammont ta' immigranti telqu mil-Libja u wara mill-Eġittu. Il-parti l-kbira tas-salvataġġi seħħew fil-fliegu ta' Sqallija fejn fil-parti l-kbira tal-każi l-immigranti salvati ddaħħlu f'portijiet Sqallin fosthom dak ta' Katanja, Augusta, Porto Empedocle, Pozzallo u Palermo. Kien hemm xi immigranti li ddaħħlu f'Lampedusa, Calabria, u Apulia f'Taranto.

    Fl-ewwel sitt xhur kien hemm 70,978 immigrant li waslu fl-Italja, bl-imwiet ikunu ta' 2,499 persuna. Fil-Greċja waslu 158,527 persuna bl-imiwiet ikunu ta' 376 persuna. Kien hemm 28 immigrant li waslu f'Ċipru, waqt li 1,352 immigrant daħlu fi Spanja. L-immigranti li mietu fuq ir-rotta lejn Spanja kienu 45 persuna.

    F'dawk li huma nazzjonalitajiet tal-immigranti li waslu fl-Italja, naraw li sal-aħħar ta' Mejju kien hemm 6,076 mill-Eritrea, 5,967 persuna min-Niġerja, 2,529 immigrant mis-Somalja u 2,653 immigrant mis-Sudan. Fil-każ ta' dawk li daħlu l-Greċja, naraw li kien hemm 78,122 li kienu mis-Sirja, 40,394 immigrant mill-Afganistan u 25,372 immigrant mill-Iraq.

    Ritratt: Ian Noel Pace