Korruzzjoni: Il-UEFA se tinvestiga logħba ta' Malta U/21

    Irrispettivament minn kif jiżvolġi l-każ fil-Qorti tal-Maġistrati, il-UEFA se tinvestiga l-logħba tal-Under 21 li ntbagħbset bejn Malta u l-Montenegro fid-29 ta’ Marzu u li pajjiżna tilef 1-0.

    Dan irriżulta mix-xiehda ta’ Franz Tabone, l-Integrity Officer tal-MFA, meta quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud kien qed jixhed fil-kawża li l-Pulizija fetħet kontra tliet persuni fosthom żewġ players tal-Under 21.

    Iż-żewġ players huma Emanuel Briffa, difensur ta’ 22 sena li jilgħab ma’ Floriana, u Kyle Cesare, midfielder ta’ 20 sena li jilgħab ma’ Pieta Hotspurs. It-tielet persuna akkużata hija Ronnie McKay, Belti ta’ 34 sena li joqgħod San Ġiljan.

    It-tliet persuni qed jiġu mixlijin b’involviment f’korruzzjoni b’rabta mal-imsemmija logħba u lkoll qed jiċħdu li huma ħatja.

    Tabone beda biex semma’ kif wara li waslitlu informazzjoni li seta’ kien hemm il-korruzzjoni fil-logħba għamel kuntatt mal-Sports Radar li kkonfermat is-suspett li seta’ kien hemm xi tbagħbis.

    Kien għalhekk li huwa kkuntattja lill-Ispettur Sean Scicluna mill-Iskwadra Kontra l-Frodi tal-Pulizija li huwa l-uffiċjal inkarigat mill-investigazzjonijiet relatati mal-korruzzjoni fil-futbol.

    Tabone qal li anke waqt il-logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Moldova sema għajdut li fil-logħba konra l-Montengro seta’ kien hemm il-korruzzjoni. Kien għalhekk li huwa ltaqa’ ma’ xi players.

    Wara li kien hemm mezzi tax-xandir li bdew jistaqsu dwar il-każ, ċempillu t-team manager tal-Under 21, Jesmond Abela, li nfurmah kif wieħed mill-players kien irċieva messaġġ fuq il-Whatsup fejn kien offrut li jinxtara kontra r-Repubblika Ċeka.

    Il-player li rċieva l-messaġġ kien Joseph Mbong waqt li l-messaġġ intbagħat lilu minn Seyble Zammit, iż-żagħżugħ li diġá nstab ħati wara li ammetta l-involviment tiegħu għalkemm ma weħel xejn peress li kkollabora mal-Pulizija.

    Tabone żied li huwa mar fil-lukanda, f’Buġibba, fejn kienu qegħdin il-players tal-Under 21 u ġabar lil Llywelyn Cremona, lil Luke Montebello peress li kien fl-istess kamra ma’ Cremona, lill-captain tat-team Ryan Camenzuli u l-isess Mbong

    Wara l-logħba konra r-Repubblika Ċeka huwa ħa xi players biex tkellimhom il-Pulizija mbagħad sar jaf li Zammit kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati.

    Tabone semma’ wkoll li ż-żewġ players akkużati ma kienux fuq il-lista tiegħu u għal domanda tal-avukati difensuri qal li ma waslitlu ebda informazzjoni jekk fil-fatt il-logħba kinitx inxtrat jew le.

    Huwa qal ukoll li fil-kariga tiegħu jirċievi diversi informazzjoni dwar allegat ta’ korruzzjoni f’logħbiet lokali u jara jekk kienx hemm bażi fuq x’hiex jinvestiga.

    Il-każ ġie differit għall-14 ta’ Lulju li ġej.

    F’din il-kawża McKay għandu jiddefendih lill-Avukat Giannella de Marco, Briffa lill-Avukat Stefano Filletti mentri Cesare għandu jiddefenduh lill-Avukati Clifton Grima u Charmaine Grima.

    L-Avukati Adrian Camilleri u Chris Bonett qed isegwu l-każ f’isem l-MFA.

    Ritratt fuq: Il-formazzjoni inizjali tat-team Malti kif lagħab kontra l-Montenegro fl-imsemmija partita