Ir-referendum dwar il-Brexit itejjeb jew idgħajjef it-tweġiba tal-Ewropa għat-terroriżmu?

    Jiġri x’jiġri fid-dibattitu dwar il-Brexit, l-Ewropa se tibqa’ taffaċċja żewġ sfidi – l-immigrazzjoni u t-theddida tat-terroriżmu. Kif se jkomplu jitfasslu dawn l-isfidi meta jgħaddi r-referendum tar-Renju Unit? Din hija mistoqsija miftuħa għad-diskussjoni pubblika f’laqgħa bit-tema ‘L-Ewropa: Immigrazzjoni u Terroriżmu’ organizzata għall-elettorat tas-sitt distrett u tas-Sud mill-uffiċċju tal-Ewroparlamentari Alfred Sant.

    Se ssir apposta ġurnata wara r-referendum dwar il-Brexit biex iżżomm aġġornati lil parteċipanti dwar ir-reazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-pożizzjoni tagħhom wara li l-poplu Brittanniku jkun iddeċieda l-futur tiegħu. Id-deċiżjoni se żżid aktar il-pressjoni tal-immigrazzjoni fil-pajjiżi tal-Ewropa kontinentali? Se ddgħajjef jew se ssaħħaħ it-tweġiba Ewropea għat-terroriżmu?

    Nikita Zammit Alamango u Mark Camilleri, żewġ edukaturi, jiddiskutu suġġetti relatati mas-sħubija ta’ Malta fl-UE.Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant jindirizza l-konferenza, organizzata mill-uffiċċju tiegħu bil-kollaborazzjoni tal-S&D.

    Il-Konferenza se ssir l-INSPIRE, Wied il-Għajn, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju fis-6.30pm. Il-pubbliku mistieden jipparteċipa. Dawk li jeħtieġu aktar informazzjoni jistgħu jċemplu l-uffiċċju ta’ Dr Sant fuq in-numru 21490705 jew jibagħtu ittra elettronika fuq info@alfredsant.eu.

    Ikun hemm riċeviment wara l-konferenza.